L-elettorat fil-Kosovo ivvota f’elezzjoni sinifikanti fost it-tħassib dwar il-korruzzjoni istituzzjonalizzata fil-pajjiż u t-tamiet dwar ftehim għall-paċi eventwali mas-Serbja li għandu jwitti t-triq għall-isħubija tal-Kosovo fin-Nazzjonijiet Uniti.
Fl-elezzjoni – ir-raba’ waħda mindu l-Kosovo iddikjara l-indipendenza fl-2008 – mistennija jivvutaw mal-1.9 miljun votant eliġibbli. Intant, il-vot sar wara li l-Prim Ministru Ramush Haradinaj irriżenja, f’Lulju, wara li kien issejjaħ biex jidher quddiem il-qorti internazzjonali li tipproċessa r-reati tal-gwerra.
Hemm id-domandi dwar ir-rwol ta’ Haradinaj fil-gwerra tal-1998-99 fil-Kosovo meta hu kien wieħed mill-kmandanti tal-eks Armata għal-Liberazzjoni tal-Kosovo (KLA) li ġġieldet għall-indipendenza mis-Serbja. Intant, qed jidher li l-poplu mhux sodisfatt bir-rekord ta’ Haradinaj bħala l-kap ta’ koalizzjoni magħmula minn tliet partiti – anki jekk ħafna jqisuh bħala ‘eroj tal-gwerra’.
Żewġ partit tal-Oppożizzjoni mistennija jmorru tajjeb fl-elezzjoni. Dawn huma l-Lega Demokratika tal-Kosovo u l-Partit Vetevendosje tax-xellug. Il-Partit Demokratiku tal-Kosovo, l-akbar partit fil-koalizzjoni attwali, ukoll issemma fost il-favoriti – meta r-riżultati se joħorġu fis-sigħat bikrin tat-Tnejn.
Aktar minn 34,000 osservatur kienu qed isegwu l-elezzjoni u wara li d-dibattitu elettorali kkonċentra, fost oħrajn, fuq ‘il-ftehim għall-paċi’ mas-Serbja li ma tridx tirrikonoxxi l-indipendenza tal-Kosovo. Fl-2013, il-Kosovo u s-Serbja kienu qablu għal djalogu (bil-medjazzjoni tal-Unjoni Ewropea) lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet iżda, tul is-snin, ma sar l-ebda progress notevoli.
L-Istati Uniti u l-UE qegħdin jaraw it-tensjoni u n-nuqqas ta’ qbil bejn Pristina u Belgrad bħala theddida kbira għall-istabbilità reġjonali u qed iwettqu l-pressjoni biex l-Istati ġirien jistabbilixxu r-relazzjonijiet bħala l-aħjar mod biex isolvu l-problemi ta’ bejniethom.
//= $special ?>