Lokali

Joseph Muscat ma jistax jittieħed bis-serjetà meta jitkellem fuq is-sostenibbiltà

Iktar ma jgħaddi żmien, aktar Joseph Muscat qiegħed jammetti li ħoloq problemi ġodda għal pajjiżna minħabba n-nuqqas ta’ pjan fit-tul tal-gvern li jmexxi hu. Ironikament, fl-istess waqt li Joseph Muscat kien qieghed jippriedka dwar is-sostennibiltà, wera kif l-unika soluzzjoni li għandu għall-problemi li ħoloq huwa stess hija li jkompli jimporta aktar cheap labour, aktar ħaddiema barranin; idea li ser tkompli tkabbar il-popolazzjoni li diġa qed tikber bla kontroll.

Joseph Muscat qiegħed jidħaq bin-nies meta qal li jrid jagħmel lill-Maltin sinjuri żgħar. Dan meta pajjiżna ra fost l-inqas tkabbir fil-pagi, tkabbir ta’ 1.1%. Il-medja tat-tkabbir fil-pagi fl-Unjoni Ewropea kienet ta’ 2.9% jigifieri ferm iżjed mid-doppju. Dan joħroġ mill-aħħar ċifri dwar il-pagi maħruġa mill-Eurostat.

L-ingann ta’ Muscat joħroġ aktar fil-beraħ meta jgħid li “għelibna l-problemi kollha tal-passat”. Il-fatti jgħidu mod ieħor. Skont statistika tal-NSO, iktar minn 78,000 jinsabu fir-riskju tal-faqar. Dan iżid mal-ħemel ta’ problemi soċjali li ħoloq dan il-gvern Laburista, bħal fil-qasam tal-housing u tal-kirjiet.

Min naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista jinsab determinat li anke mill-oppożizzjoni jagħmel differenza. Għalhekk ressaq Pre-Budget Document b’aktar minn 100 proposta għal livell ta’ għajxien aħjar, għal soċjetà aktar ġusta fejn il-ġid li jinħoloq verament jasal għand kulħadd u mhux jitgawda mill-ftit.