In-Nazzjonijiet Uniti qed tħeġġeġ għall-waqfien tal-vjolenza fl-Iraq u ‘għas-sensiela ta’ mwiet bla sens’, meta ċ-ċifra tal-vittmi mill-jiem ta’ protesti kontra l-Gvern issa qabżet il-mija. Id-dimostranti li qed joħorġu kuljum fit-toroq, sadanittant, qalu li jridu jkomplu jipprotestaw kontra l-qgħad, is-servizzi pubbliċi ‘li jinsabu fi stat tal-biki’ u l-korruzzjoni li infiltrat lis-setturi importanti ta’ pajjiżhom.
Jeanine Hennis-Plasschaert, li tmexxi l-Missjoni tan-NU għall-Għajnuna lill-Iraq, qalet li ‘l-inkwiet fl-Iraq jeħtieġ jieqaf minnufih wara ħamest ijiem ta’ vjolenza li ħallew numru allarmanti ta’ mejtin u midruba’. Hawnhekk spikka wkoll il-messaġġ biex ‘kulmin hu responsabbli għal din it-telf ta’ ħajja jagħmel il-kontijiet mal-ġustizzja.
Fi tmiem il-ġimgħa, il-qawwiet tas-sigurtà Iraqqin irnexxielhom irażżnu dimostrazzjoni tal-massa lejn il-Lvant ta’ Bagdad. Dan meta l-aħħar rapporti qalu li nqatlu tal-anqas ħamsa fl-aħħar konfronti fil-belt kapitali tal-Iraq – u fejn ingħad li l-qawwiet tas-sigurtà mill-ġdid sparaw il-munizzjon u l-gass tad-dmugħ għal fuq in-nies.
Minbarra l-mejtin irrappurtati tul l-aħħar jiem, iċ-ċifra tal-midruba tidher li qabżet l-4,000 mindu bdew il-protesti f’Bagdad nhar it-Tlieta – bid-dimostrazzjonijiet jinfirxu lejn in-nofsinhar tal-Iraq.
L-inkwiet laħaq l-aktar livell qattiel mindu l-grupp terroristiku ISIS kien spiċċa megħlub, fl-Iraq, fl-2017.
Fl-istess ħin, il-vjolenza u l-inċidenti inkwetanti li qed iseħħu minn ħin għal ieħor jitqiesu bħala l-ewwel sfida diretta lill-gvern fraġli mmexxi mill-Prim Ministru Iraqi, Adel Abdel Mahdi, mindu hu assuma l-poter sena ilu. Dan meta l-awtoritajiet fl-Iraq qed jippruvaw jikkontrollaw il-protesti bl-impożizzjoni ta’ curfews fl-ibliet u permezz ta’ blackout kważi totali tal-Internet.
//= $special ?>