Lokali

Malta tinżel aktar minn 50 post fl-Indiċi tal-ħasil tal-flus

Fis-6 ta’ Settembru li għadda, il-Basel Institute on Governance ippubblika t-tmien edizzjoni tal-Basel Anti Money-Laundering Index (Basel AML Index) għall-2019. Minnu ħareġ li Malta kienet tinsab fil-113-il post minn fost 125 pajjiż analizzat. F’din il-kassifika, aktar ma’ pajjiż ikun ’l isfel, aktar ikun qed jagħmel suċċess fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

Dan kien ifisser li Malta kienet minn ta’ quddiem fid-dinja minn fost il-pajjiżi kollha f’din il-ġieda, post meqjus tajjeb u, allura, b’riskju baxx ħafna ta’ ħasil ta’ flus.

Tliet ġimgħat wara, fil-25 ta’ Settembru li għadda, il-Basel Institute on Governance, li jippubblika dan l-Indiċi, wettaq reviżjoni fir-rigward ta’ Malta u ħabbar li wara dak li ntqal fir-rapport tal-Moneyval dwar pajjiżna, il-pożizzjoni ta’ Malta ġarrbet “bidla drammatika” minħabba l-“impatt tremend” tal-kontenut tiegħu.

■L-Institute ħabbar li għal dak li hu overall risk score għal Malta, dan tela’ minn 3.94 għal 5.38 minn 10, fejn 10 hu l-ogħla punteġġ ta’ riskju possibbli.

■Qalu wkoll li fir-rigward ta’ kemm hu effettiv il-qafas tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, il-punteġġ ta’ Malta tela’ minn 4.48 għal 6.70.

Skont il-lista oriġinali tal-Basel AML Index 2019, dan il-punteġġ il-ġdid ta’ Malta (5.38) ipoġġiha fid-59 post bejn il-Perù (5.33) u r-Repubblika Domenikana (5.41). B’dan it-tibdil, allura, Malta tkun waqgħet ’l isfel 54 post mill-113-il post għad-59 post.

Din il-waqgħa “drammatika”, kif isejħilha l-Basel Institute on Governance, hi spjegata fid-dettall fir-reviżjoni pubblikata fuq il-websajt tiegħu u hi iffirmata minn Kateryna Boguslavska, li hi l-Project Manager tal-Basel AML Index.

F’din ir-reviżjoni, Boguslavska tispjega fid-dettall ħafna x’ġara fil-każ ta’ Malta u tistqarr li ħafna kienu dawk li għamlu l-mistoqsija: għaliex il-Basel AML Index kien qed ipoġġi lil Malta bħala pajjiż li relattivament għandu riskji baxxi għal ħasil ta’ flus meta rapport tal-Moneyval ikkritika l-qafas tal-pajjiż għal kontra l-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u qiesu bħala ineffettiv?

It-tweġiba, qalet Boguslavska, hi sempliċi. Ir-rapport Moneyval ħareġ fit-18 ta’ Lulju, ftit wara li kien finalizzat it-tagħrif kollu li fuqu nħadem il-Basel AML Index 2019. “Malta’s ranking of 113 out of 125 countries in the public edition, therefore did not reflect this new data,” qalet.

L-Institute qal li rapporti bħal dak tal-Moneyval huma l-aktar sors importanti biex jinħadem il-Basel AML Index tant li abbażi tagħhom jingħataw 35 fil-mija tal-iscore finali tal-pajjiżi rispettivi.

Iktar dettalji fil-ħarġa ta’ il-mument tal-lum.