Lokali

Miġbura €400,238 mill-Partit Nazzjonalista

Din kienet is-somma finali miġbura fil-Maratona Ġbir ta’ Fondi organizata mil-PN bit-tema “Biex Nissaħħu u Niġġeddu”.

Waqt numru ta’ interventi f’din il-Maratona, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fakkar kif il-PN kien ilu jitlob inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan meta l-Gvern m’assigurax li l-familja Caruana Galizia u l-poplu Malti jkollhom moħħhom mistrieħ li l-inkjesta nnifisha tkun ħielsa u bla dubji.

Il-Kap tal-PN qal li qed isegwi mill-qrib l-iżviluppi anki tar-rapporti maħruġa fil-midja l-Ħadd iżda nnota li Joseph Muscat baqa’ sieket dwar dan, kważi kważi kieku jista’ jostor dawn ir-rivelazzjonijiet godda.

Fil-fatt, hu iddeskriva dan kollu bhala skiet li jtarrax – mhux biss minn naha ta’ Muscat; skiet li jtarrax anke mill-Ministru tal-Gustizzja u mill-Kummissarju tal-Pulizija.

Intant, meta tkellem dwar il-Pre Budget Document il-Kap tal-PN semma’ il-proposti varji li tressqu mill-Oppozizzjoni.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar il-famuża Golden Handshake tal-MFSA fejn impjegat partikolari tneħħa mill-imjieg u reġa’ idaħħal f’impjieg simili ftit wara u ħa s-somma ta’ EUR150,000.

Min-naħa tiegħu, fil-ftuh tal-Maratona Ġbir ta’ Fondi, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli qal li bil-fondi miġbura jistgħu jiġu implimentati ir-riformi mehtiega u fl-istess ħin tiġi sostnuta l-media tal-Partit Nazzjonalista.Prezenti ghall-maratona kien hemm il-amministrazzjoni tal-partit, u d-deputati tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. Saru wkoll prezentazzjonijiet minn numru ta’ ferghat u mill-kumitati lokali minn diversi lokalitajiet f’Malta u Ghawdex.