Lokali

“Nissaħħu u Niġġeddu” – ILLUM il-Maratona Ġbir ta’ Fondi b’risq il-PN

Illum il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza Maratona Ġbir ta’ Fondi, fid-Dar Ċentrali, biex tkompli tissaħħaħ il-ħidma tal-Partit.

Filwaqt li appella lil kulħadd biex ikun ġeneruż u jipparteċipa bis-sħiħ, is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli fuq NET FM qal li t-tema tal-Maratona hi “Nissaħħu u Niġġeddu” għax il-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jiġġedded u jissaħħaħ.

Il-Partit Nazzjonalista jrid li jkompli jissaħħaħ f’kull aspett: fl-organizazzjoni, fil-policies u anki fil-finanzi tiegħu. Dan fid-dawl tal-isfidi finanzjarji kbar li qed jiffaċċja, iżda li ma jaqtgħulux qalbu, tant li llum, qed jagħmel ħiltu kollha b’aktar kuraġġ u b’aktar determinazzjoni.

Clyde Puli kompla li wieħed irid japprezza li l-ħidma li qed iwettaq il-Partit Nazzjonalista llum qed issir f’ambjent ta’ sfidi kbar ħafna. Għax anke jekk ikollu l-aqwa policies, dawn ma jkunu jfissru xejn jekk ma jitwasslux b’mod qawwi u effettiv għand il-poplu Malti u Għawdxi.

Dan aktar u aktar meta għandna Gvern li għandu fondi infiniti u l-apparat kollu biex iwassal il-messaġġ tiegħu, fosthom anke billi juża’ l-media tal-Istat … dan kollu biex jaħbu l-iskandli ta’ kuljum, li l-poplu ma jistax ilaħħaq magħhom.

Is-Segretarju Ġenerali kompla li l-Partit Nazzjonalista jrid jikkumbatti dan kollu u qed jaħdem qatigħ. Hu għalhekk li għandu bżonn ir-riżorsi … biex dak li jgħid, jasal aktar għand in-nies.

Għal darb’oħra, il-Partit Nazzjonalista qed jappella biex, biex bil-ftit mingħand il-ħafna, jiġbor il-flus ħalli jissielet favur id-demokrazija fil-pajjiż.

Il-Maratona tal-lum tiftaħ fis-2pm u tibqa’ għaddejja sa nofsillejl u wieħed jista’ jagħti d-donazzjoni billi jċempel, jibgħat SMS jew online, mis-sit elettroniku tal-Partit Nazzjonalista.