Lokali

Pajjiżna għandu bżonn direzzjoni ġdida ħielsa minn Gvern li jrid kollox f’idejn il-ftit

Il-Gvern iddeċieda li jagħti lill-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Artijiet is-setgħa li jiddeċiedi hu dwar l-art tal-poplu. Deċiżjonijiet li qabel kienu jittieħdu minn Bord ta’ Gvernaturi, li fih hemm anke eks imhallef, issa se jiġu deċiżi mill-eks Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista James Piscopo. Laburist mill-aktar tal-qalba issa jiddeċiedi kollox hu, flimkien mal-klikka ta’ Kastilja. Din daqqa ta’ ħarta enormi għas-serħan il-moħħ li l-poplu għandu jkollu dwar l-art tal-poplu f’pajjiż suppost demokratiku. Il-Partit Nazzjonalista mhux se jħares ċass lejn din id-deċiżjoni. Se jkun qed jesplora l-mezzi kollha li hemm għax din deċiżjoni skandaluża, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista matul maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Nazzjonalista.

Adrian Delia spjega kif il-PN nieda l-Pre Budget Document għax Oppożizzjoni pożittiva u propożittiva. Aktar minn 100 proposta biex il-ġid li jinħoloq jitgawda minn kulħadd, xi ħaġa li mhix isseħħ bħalissa. Fost dawn il-proposti, li ntlaqgħu tajjeb ħafna mill-unjins tal-ħaddiema u minn min iħaddem, hemm dik dwar ix-xogħol part time li jiġi ntaxxat sa massimu ta’ 10%. Din hija miżura mmirata lejn min l-iżjed għandu bżonn għaliex dawn jagħmlu sahra u xogħol part-time. Il-Gvern jiftaħar li għamel surplus imma ħafna ħaddiema, minħabba l-għafsa fuq il-pagi u ż-żieda fil-prezzijiet, spiċċaw b’defiċit fil-but. Din il-miżura tagħti lura lill-ħaddiem dak li qiegħed jitlef.

Adrian Delia tkellem ukoll dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u spjega kif il-PN talab inkjesta pubblika. Wara ħafna tkaxkir tas-saqajn, il-Gvern ħatar inkjesta. Il-PN esprima n-nuqqas ta qbil twil dwar persuni appuntati fuq din l-inkjesta, għandu jiġi assigurat li l-familja Caruana Galizia u l-poplu jkunu moħħhom mistrieħ li din l-inkjesta tkun ħielsa u mingħajr ma jkun hemm dubju. Illum kien hemm rapporti fil-midja b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia. Il-PN qed isegwi l-iżviluppi kollha u se jkompli jesiġi li ssir ġustizzja mingħajr aktar dewmien. Fl-istess waqt, u kif ilu jsostni, l-PN jibqa’ jinsisti li Konrad Mizzi u Keith Schembri misshom ilhom li tkeċċew. Dawn tappnu r-reputazzjoni ta’ Malta u poġġew eluf ta’ jobs f’riskju. Din il-ġimgħa Konrad Mizzi kkonferma s-sogħba tiegħu li nqabad fil-fatt jiftaħ kumpanija fil-Panama. Dik hi l-vera sogħba ta’ Konrad Mizzi.

Il-Kap tal-PN irrefera wkoll għall-bejgħ tal-passaport Malti u dak żvelat minn stazzjon Franċiż. Qal li b’din l-iskema l-Gvern ta’ Joseph Muscat ħammar wiċċ pajjiżna, ta daqqa ta ħarta lir-reputazzjoni ta’ Malta u ġabna nidhru qisna pajjiż taż-żufjett fejn bil-kuntatti u l-flus tiġi f’pajjiżna u tagħmel li trid. Qal kif hu dejjem kien konvint li din l-iskema mhix fl-interess ta’ Malta. L-investiment se nġibuh bi pjan serju u f’oqsma li jrendu mhux bi skemi li jħammġu.