Id-dokument b’regolamenti rigward il-baned u l-mużiċist, maħruġ mill-Għaqda Każini Tal-Banda u approvat mill-għaqdiet membri tal-istess għaqda, jittratta fih l-etika ta bejn l-għaqdiet mużikali, kif ukoll struttura ġdida għal mużiċisti li jħaddnu dawn l-istess għaqdiet.
Fi stqarrija, l-Għaqda Każini tal-Banda tgħid li d-dokument, fost l-oħrajn, jieħu ħsieb li jpoġġi iswed fuq l-abjad il-bażi ta’ kif servizz mużikali għandu jitqassam, kif ukoll jagħti struzzjonijiet oħra fosthom il-kobor tal-banda kemm waqt servizz barra mir-raħal tal-Għaqda, kif ukoll waqt l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid l-Kbir. Dan bil-għan li dawn l-għaqdiet mużikali jassiguraw u jippreservaw l-istandards tal-baned.
Id-dokument jistipula lill-mużiċisti ġodda li ħarġu mill-2019 sabiex jirreġistraw mal-għaqda mużikali tagħhom biex b’hekk, bħalma f’ġara b’suċċess f’pajjiżi oħra, jinħoloq il-qafas ta’ sistema li fost l-oħrajn jagħti inċentiv lil dawk il-mużiċisti ġodda biex jissuktaw bl-istudji mużikali tagħhom. Din ir-reġistrazzjoni hija miftuħa ukoll għall-mużiċisti li ħarġu jdoqqu qabel l-2019 fuq xewqa tagħhom u mhux b’mod obbligatorju sabiex ilkol ikollhom aktar opportunitajiet fil-qasam mużikali, filwaqt li jononoraw id-drittijiet u d-dmijriet tagħhom mal-għaqda li ħarrġithom jew ħadnithom.
Dan id-dokument jitlob ukoll numru ta’ obbligi fuq l-għaqdiet mużikali li jeħtieġu jonoraw fir-rigward tal-bandisti li joffru servizz lill-għaqdiet mużikali, fosthom it-trattament xieraq tal-bandisti li jagħtu servizz lill-għaqdiet mużikali, fosthom waqfien ta’ mistrieħ b’bibiti xierqa, u li l-kumpens dovut lill-bandisti għas-servizz mogħti jingħata sa żmien stipulat.
Fil-maġġoranza tiegħu dan id-dokument se jidħol fis-seħħ mis-sena ddieħla. Għalhekk, l-Għaqda Każini tal-Banda se torganizza laqgħa informattiva għall-bandisti kollha Maltin u Għawdxin nhar is-Sibt 12 ta’ Ottubru fis-Sede tas-Soċjetà Mużikali Sant Antnin ta’ Birkirkara fid-9:30 ta’ filgħodu, sabiex jiġu indirizzati numru ta’ dubji u ineżattezzi li għandhom il-bandisti dwar dan id-dokument. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jidħol fuq is-sit ta’ l-Għaqda www.maltaband.org.
//= $special ?>