Lokali Qtil Politiku

Tħassib serju mir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa

Dak li ħareġ fil-midja matul il-jum tal-Ħadd, qed iqajjem mistoqsijiet serji dwar l-awtoritajiet Maltin.

Ir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa Pieter Omtzigt staqsa wkoll jekk informazzjoni dwar l-investigazzjoni tal-pulizija setgħetx ġiet mgħoddija u ntlaħqet mill-ogħla uffiċjali tal-gvern u eventwalment “għaddiet” lil persuni suspettati.

Permezz ta’ sensiela ta’ tweets l-MP Olandiż Omtzigt irreaġixxa għal storja f ‘The Sunday Times of Malta’, li rrappurtat kif negozjant ewlieni huwa wieħed mis-suspettati potenzjali ewlenin wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia f’Ottubru 2017.

Omtzigt qajjem mistoqsijiet serji dwar jekk qattx se jkun hemm ġustizzja għall-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia.

“Jekk Keith Schembri u Konrad Mizzi huma konnessi mas-suspettat u l-imgħallem tagħhom, Joseph Muscat, jaħtar il-kap tal-pulizija, l-Avukat Ġenerali u l-imħallfin, jista’ jkun hemm ġustizzja għal Daphne?”, Iddikjara l-MP.

L-uffiċċju tal-Prim Ministru ma rrispondiex dwar il-punti ewlenin mqajma minn Omtzigt.

Rapport tal-Kunsill tal-Ewropa miġbur minn Omtzigt dwar il-mewt tal-ġurnalista ikkonkluda li Schembri u Mizzi igawdu minn “impunità totali” taħt il-protezzjoni tal-Prim Ministru.

Omtzigt staqsa għaliex ma saru l-ebda arresti lil hinn mit-tliet suspettati mixlija li wettqu l-plott tal-bomba.

Huwa staqsa wkoll jekk il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u l-Kap tat-taqsima tar-reati ekonomiċi Ian Abdilla kinux għamlu dak kollu li għandhom jagħmlu b’rabta mal-kumpanija sigrieta 17 Black.