Internazzjonali

Brexit: ‘Ftehim jista’ iseħħ jekk tkun trid l-UE’

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, qal li l-proposti tiegħu għall-Brexit – jew it-tluq ta’ pajjiżu mill-Unjoni Ewropea – qegħdin jiġġeneraw l-appoġġ fil-Parlament ta’ Londra. Dan filwaqt li hu ħeġġeġ ‘biex Brussell jasal għal kompromess’ fil-kwistjoni.

Filwaqt li hemm stennija kbira għas-summit kruċjali tal-Unjoni Ewropea (li se jsir f’nofs ix-xahar), Johnson għamilha ċara li ‘ftehim rivedut għall-Brexit hu possibbli dment li l-UE tkun lesta u disposta għal dan’.

Kumment sinifikanti, f’dan il-każ, wasal mingħand il-Prim Ministru tal-Latvja, Krisjanis Karins, li qal li ‘filwaqt li ftehim ġdid għall-Brexit jibqa’ diffiċli u improbabbli, wieħed ma jistax jgħid li jinvolvi tragward impossibbli’.

Dan waqt li s-Segretarju Britanniku għall-Brexit, Stephen Barclay, qed iħeġġeġ lill-UE biex tintensifika n-negozjati dwar il-pjani tar-Renju Unit.

Fis-sigħat li jmiss se jkomplu t-taħditiet waqt li r-Renju Unit u l-UE jippruvaw jaslu għal ftehim ġdid qabel is-summit tal-mexxejja Ewropej, li jkun maqsum fuq jumejn – is-17 u t-18 ta’ Ottubru.

Madankollu, l-impenn biex ma tidħolx fis-seħħ fruntiera riġida bejn ir-Repubblika Irlandiża u l-Irlanda ta’ Fuq għadu intopp għal ftehim ġdid, bl-UE issejjaħ għal ‘bidliet fundamentali’ għall-aħħar proposti tar-Renju Unit.

Min-naħa tiegħu, Stephen Barclay qal li ‘fil-jiem li ġejjin’ iridu jibdew in-negozjati aktar avvanzati biex jintlaħaq ftehim qabel il-31 ta’ Ottubru, li hu d-deadline għall-Brexit. Hu kompla li għaddejjin it-taħditiet mal-Partit Laburista u deputati (Britanniċi) oħrajn tal-Oppożizzjoni bil-ħsieb li l-Gvern jikseb l-appoġġ tagħhom għal ftehim ġdid.

Fl-istess ħin, il-Prim Ministru tal-Irlanda, Leo Varadkar, qal li jemmen li ftehim hu possibbli’ iżda fakkar li ‘il-proposti attwali ta’ Londra m’humiex biżżejjed’.