Budget 2020 Lokali

Imħabbra l-proposti tal-UĦM għall-Budget 2020

Il-UĦM Voice of the Workers ħabbret f’konferenza tal-aħbarijiet il-proposti tagħha għall-Budget 2020. Josef Vella, Kap Eżekuttiv ta’ UĦM, elenka wħud mid-92 proposta li din il-union ippreżentat lill-MCESD fix-xhur li għaddew.

Fl-introduzzjoni tiegħu, Josef Vella aċċenna għas-sitwazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontribut tal-union fl-MCESD. Bħalissa l-UĦM mhux qed tattendi l-MCESD u dan bi protesta minħabba  l-fatt li ma ngħatatx widen għad-diversi drabi li ppruvat tressaq numru ta’ preżentazzjonijiet quddiem l-imsieħba soċjali. Għall-UĦM dan  mhux aċċettabbli għax hi kemm-il darba semgħet dak li ried jgħid ħaddieħor, imma l-union qatt ma ngħatat iċ-ċans biex tressaq l-ideat tagħha fuq suġġetti li  hi tagħraf bħala importanti.

Dwar  din il-kwistjoni intervjena l-Ministru Edward Zammit Lewis u nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Ottubru, uffiċjali ta’ din il-union se jkunu qed jiddiskutu miegħu sabiex ikun hemm żblokk għal din  is-sitwazzjoni.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM  ried li  l-union tagħmel preżentazzjoni lill-MCESD sabiex ikun diskuss l-għoli tal-prezz tal-fuel. Din il-union rat diversi kommoditajiet jogħlew, bħal il-ħobż, il-ħalib u dan l-aħħar il-fuel. Sfortunatament iż-żieda fil-prezzijiet ma ġietx diskussa u dan m’għandux ikun. Aktar u aktar fl-MCESD meta din il-union ma tingħatax l-opportunità f’dan  il-forum biex tiddiskuti dan is-suġġett.

Josef Vella stqarr li  f’rapport li ħareġ il-Eurofound ħadd mill-media ma semma ċ-ċifri li l-istess rapport isemmi fejn tidħol il-paga medja fl-Unjoni Ewropea. Ir-rapport jitkellem ċar li l-paga medja fl-UE fl-2012 kienet ta’ €16.70 u l-paga medja fl-UE fl-2018 kienet tammonta għal €29.90. F’Malta l-paga medja fl-2012 kienet €7.45, jiġifieri qisu 44 fil-mija ta’ dak li  kien hemm fl-UE. Fl-2018, filwaqt li l-paga medja fl-UE kienet ta’ €29.90, f’Malta kienet €9.32. Dan  ifisser li l-paga medja f’Malta, meta mqabbla ma’ dik fl-UE, naqset fil-perċentwal tagħha – minn 44 fil-mija għal 31 fil-mija.

Bejn l-2012 u l-2018, il-paga medja fl-UE żdiedet b’55 fil-mija filwaqt li f’Malta l-paga medja żdiedet b’25 fil-mija. Josef Vella qal li b’dawn iċ-ċifri l-pajjiż ma jaffordjax li jara  żieda fil-prezz tal-fuels.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM irrefera għal proposta partikulari, dik tal-kuntratti tax-xogħol li jkunu disponibbli fuq l-internet. Hemm barra s-suq tax-xogħol qed ikompli jikber permezz tal-ħaddiema barranin u bla dubju ta’ xejn  jeżisti l-prekarjat.

Il-UĦM Vqed tissuġġerixxi li l-ħaddiema kollha mhux biss ikollhom kuntratt bil-miktub imma dawn il-kuntratti jkunu uploaded fuq portal li  jitmexxa minn awtorità tal-Gvern. Minn dan il-portal wieħed jista’ jara li dak li tistabbilixxi l-liġi tax-xogħol bħala minimu fil-kundizzjonijiet, ikun rifless awtomatikament f’dawn il-kuntratti. B’dan  il-mod, il-kuntratti kollha tal-ħaddiema, irrispettivament  jekk  humiex Maltin jew barranin, ikollhom kuntratt li jassigura l-kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol. Għal xi raġuni jew oħra l-Gvern qed ikaxkar saqajh fuq din il-proposta u, għalkemm teoretikament hemm qbil bejn iż-żewġ naħat, din il-proposta għadha ma  ratx  id-dawl tax-xemx.

Josef Vella tkellem ukoll dwar il-proposta ta’ salarju ugwali għal xogħol ugwali. Din mhix proposta li vvintatha l-UĦM imma hija direttiva li biha suppost irridu noperaw. Imma fir-realtà din mhux qed  titwettaq. Hu qal li l-liġijiet tajbin iridu jissarrfu mill-ħaddiema u allura huwa importanti li dan il-prinċipju jkun fil-prattika. Illum qed nitkellmu fuq suq tax-xogħol li jkopri 220,000 ħaddiema li minnhom 60,000 huma ħaddiema  barranin. Dan ifisser li 27 fil-mija tas-suq Malti tax-xogħol hu magħmul mill-barranin. Sfortunatament, hemm barra, qed isir abbuż fuq il-ħaddiema li jinġiebu minn pajjiżi li għandhom livelli iżjed baxxi minn tagħna. Jekk dawn il-ħaddiema barranin se jibqgħu jiddaħħlu f’pajjiżna  u ma nassigurawx li qed jagħmlu xogħol ugwali daqs ħaddieħor u jitħallsu daqs ħaddieħor, allura se nkunu qed nagħmlu abbuż fuq il-ħaddiema barranin. Barra minn  hekk, l-impatt tal-istess abbuż huwa direttamenta fuq il-ħaddiema Maltin u Għawdxin għax in-negozjar kollettiv qed jiġi mxekkel.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM tkellem dwar  il-proposta ta’ sħubija f’union għal ħaddiema bi dħul baxx.  Fil-konferenza tal-aħbarijiet intwera filmat ta’ diskussjoni li Josef Vella kellu mal-Prim Ministru Joseph Muscat waqt  il-Konferenza Ġenerali tal-UĦM f’Diċembru 2015. Josef Vella fisser kif dakinhar kienet introdotta proposta mill-istess union li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin għandhom ikunu f’union. Il-Kostituzzjoni tagħna titkellem dwar id-dritt tal-assoċjazzjoni u allura d-dritt li l-individwu  jagħżel ma’ liema union  irid jissieħeb.  Josef Vella qal li f’din il-proposta rridu nagħtu iżjed protezzjoni lill-ħaddiema filwaqt li ssir tassattiva li l-ħaddiem jidħol f’union tal-għażla tiegħu. Ir-raġuni warajha ġejja mill-prinċipju tad-djalogu soċjali iżda sfortunatament  ġiet permessa triq oħra li hija abbużiva. Josef Vella saħaq li kulħadd irid joqgħod fl-istess triq li hija regolata – min iħaddem joqgħod f’union  ta’  min iħaddem, u ħaddiem jagħżel union li tirrapreżenta lill-ħaddiema. Il-UĦM  Voice of the Workers qed  tgħid aktar minn hekk u tfisser li ħaddiema li jaqilgħu sa €25,000 għandhom  jidħlu awtomatikament f’union. Dan għax l-ikbar bżonn  u l-ikbar abbuż qed iseħħ fost ħaddiema bi dħul baxx.

Min-naħa l-oħra, dawk il-ħaddiema li ma jridux jissieħbu f’union (partikularment dawk li jaqilgħu minn €25,000 ‘il fuq) għandhom jagħtu kontribuzzjoni għad-djalogu soċjali. Minflok iħallsu miżata, iħallsu kontribuzzjoni f’fond għall-iżvilupp tar-riżorsi umani. Tali fond ikun amministrat mill-korpi kostitwiti u li jiffoka l-aktar fuq ir-riċerka, it-taħriġ u l-iżvilupp  kontinwu. B’hekk ikun assigurat  li l-ħaddiema  hemm barra  jkunu qed jagħtu l-kontribuzzjoni lejn  id-djalogu soċjali.

Proposta oħra elenkata minn Josef Vella hi dik dwar it-tisħiħ fl-Awtorità  dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol (OHSA) kif ukoll li jsir infrurzar fl-operat tal-kuntratturi. Josef Vella stqarr is-settur tal-kostruzzjoni għandu jiġi regolat u li l-iżvilupp li qed isir ikun qed itejjeb l-estetika ta’ pajjiżna. “Ejja ma niġux imfakkrin bħala dik il-ġenerazzjoni tal-konkos u tal-blokok tal-konkrit li ħallejna warajna; ejja nsebbħu lil Malta bħalma għamlu l-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna u li għadna ngawduh sal-lum”, sostna Josef Vella.  Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers għamilha ċara li l-union m’għandha xejn kontra n-negozju imma għandu jkun hemm infurzar b’saħħtu fejn jidħlu s-saħħa u s-sigurtà.

Proposta marbuta ma’ din  il-kwistjoni hi li jkun  hemm fond sabiex ikunu kumpensati l-vittmi ta’ min ikun  ġarrab ħsarat jew twaqqigħ fil-propjetà tiegħu kawża ta’ negliġenza minn min  kien responsabbli mill-iżvilupp.