Internazzjonali Lokali

AĠĠORNATA: Aktar immigranti fil-Mediterran; talba biex jinġiebu Malta

Jitilfu ħajjithom 30 persuna qrib Lampedusa.

Traġedja fil-Mediterran hekk kif huwa maħsub li 30 persuna tilfu ħajjithom qrib Lampedusa. S’issa diġà ttellgħu numru ta’ katavri, fosthom tfal.

L-inċident seħħ madwar sitt mili ’l barra minn Lampedusa. Dan meta membri tal-Guardia Costiera kienu waslu fil-post biex isalvaw lil dawn l-immigranti.

Jidher li meta waslet l-għajnuna, l-immigranti ċċaqilqu kollha għal fuq naħa waħda tad-dgħajsa. U peress li dak il-ħin il-baħar kien imqalleb, id-dgħajsa spiċċat inqalbet b’kollox.

22 biss irnexxielhom isalvaw.

Intant l-għaqda mhux governattiva Open Arms permezz ta’ tweet ħabbru li l-bastiment ‘Mission 67’ kien iddentifika l-post fejn kien hemm dgħajsa ohra tal-injam bl-immigranti fuqha.

Fl-istess tweet inqtal li fuq din id-dgħajsa hemm 40 persuna, fosthom 4 t’itfal.

Huma qalu li se jmorru jiġbru lil dawn l-immigranti filwaqt li qed jistennew aktar struzzjonijiet mill-awtoritajiet Maltin rigward it-trasferiment taghhom.

Il-mewġa ta’ immigrazzjoni ilha xhur tiddomina l-aħbarijiet, bil-vjaġġi klandestini fil-Mediterran ma jaqtgħu xejn.

Sa issa din is-sena f’pajjiżna daħlu ‘l fuq minn 2,000 immigrant.