Lokali

MIĊĦUDA: Il-persuna li ġibdet il-video se jinħarġu akkużi kontrih

Żviluppi ġodda rigward il-video li xxandar illum minn Net News, hekk kif il-Malta Police Association qed tgħid illi dak li qed jallega r-raġel li leħnu jinstema’ f’dan il-video mhuwiex minnu. Tant li se jinħarġu akkużi kontrih.

Dan wara li l-istess raġel allega illi safa attakkat minn uffiċjal tal-Pulizija waqt li kien fl-Isptar Mater Dei qed iżur lil martu.

Is-Sibt li għadda martu kellha tiddaħħal l-Isptar Mater Dei biex tagħmel operazzjoni b’mod urġenti. Wara li niżlet mill-operazzjoni r-raġel talab biex jibqa’ ma’ martu, iżda l-infermiera li kienet xogħol dak il-ħin ma ħallitux jagħmel dan.

Kien f’dan il-mument li l-infermiera ċemplet għall-uffiċjali tas-sigurtà u aktar tard għall-Pulizija biex joħorġu lir-raġel mill-ward.

Hekk kif ġew il-Pulizija, dawn talbuh biex joħroġ mis-sala iżda huwa rrifjuta li jagħmel dan peress li ried li jibqa’ ma’ martu hekk kif kienet għadha kemm għamlet intervent mediku. Dan kollu seħħ għall-ħabta tas-2.30pm, nofs siegħa biss qabel il-ħin skedat għall-viżitaturi.