Edukazzjoni Lokali Parlament

Bartolo jammetti li mhux sodisfatt bl-Università tal-Ġordaniżi; jgħid li issa sar allerġiku!

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ammetta fil-parlament ftit minuti ilu li mhux sodisfatt bl-ammont ta’ studenti li nġiebu f’Malta mill-Univerista Ġordaniża f’Malta (AUM) u ddikjara wkoll li wara din l-esperjenza sar ‘allerġiku’ għal dawk li jgħidu li se jġibu eluf ta’ studenti f’entitajiet edukattivi. Ikun aħjar li jingħad li dawn l-istituzzjonijiet edukattivi jibdew bi ftit studenti u jżidu tul is-snin.

Din l-ammissjoni tal-Ministru Bartolo tikkonferma l-kiritka li għamlet l-Oppożizzjoni sa minn meta sar il-ftehim mal-Univeristà tal-Ġordaniżi, imsejħa American Univeristy of Malta (AUM). F’dan il-każ il-Gvern ġab kritika qawwija għall-mod kif l-AUM ingħataw l-art fiż-Żonqor u anki l-bini ta’ Baċir Numru 1 f’Bormla. L-aħħar kontroversja dwar l-AUM kienet dwar dormitorju enormi li jridu jibnu fil-Kottonera meta fil-fatt m’hemmx l-istudenti li suppost qed jattendu f’din l-università.

Il-Ministru Bartolo qal li ma jridx sistema offshore fl-edukazzjoni f’Malta u sostna li l-gvern irid jilleġisla biex jattira lejn il-pajjiż investituri bis-serjetà. Hu qal li l-gvern irid joqogħod attent mit-traffikar tal-bnedmin f’dan is-settur biex jinxtraw il-visas biex l-istudenti jaħarbu minn pajjiżhom.

Fis-sena 2013 u 2014 konna wisq mgħaġġlin u kellna wisq entużjażmu biex dan is-settur intellquh iżda nippreferi li nikbru bil-mod u bis-serjetà, sostna l-Ministru tal-Edukazzjoni.