Budget 2020 Ekonomija Kummerċ Lokali

“Bżonn ta’ pjan u riforma immedjata” – Kamra tal-Kummerċ

Sejħa lill-Prim Ministru biex jindirizzati bosta nuqqasijiet b'mod imminenti

F’laqgħa li l-Kamra tal-Kummerċ kellha mal-Prim Ministru Joseph Muscat dwar il-proposti tagħha għall-baġit, hija appellat lill-Gvern li hemm bżonn ta’ pjan u riforma immedjata f’bosta oqsma li qed iħallu impatt negattiv fuq il-poplu Malti, minkejja r-riżultati ekonomiċi pożittivi.

Fost ir-riformi li semma l-President tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Perit David Xuereb semma s-sistema tat-trasport pubbliku, l-introduzzjoni għal modi alternattivi u innovattivi ta’ trasport, tibdil fil-Liġi propost tal-Kera, li ma laħqitx l-aspettattiva tas-settur, titjib fil-kwalita fl-industrija tal-kostruzzjoni u tindifa mill-qiegħ tas-settur tas-Servizzi Finanzjarji, b’reputazzjoni ħażina ħafna kawża ta’ numru ta’ professjonisti diżonesti li qed jagħtu isem ħażin lis-settur u l-pajjiż.

Il-Perit Xuereb, saħaq li jeħtieġu jiġu indirizzati ż-żieda fl-ispejjeż tar-riżorsa umana, fosthom leave miżjud, flimkien ma’ għadd ta’ piżijiet mgħobbija fuq min iħaddem tul dan l-aħħar snin. Fl-istess ħin, il-pajjiż jeħtieġ li b’mod serju jagħti importanza lir-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ saħaq li wieħed m’għandux jippretendi li r-riżultati ekonomiċi pożittivi se jibqgħu ġejjin għaliex it-tbassir juri kif se se nesperjenzaw slowdown fir-rati ta’ tkabbir. Għalhekk l-importanza ta’ tmexxija għaqlija fi-Gvern biex tħares is-suċċess ekonomiku u tiggarantixxi tkabbir sostenibbli fil-futur.