Patri Deo Debono ingħata sentenza ta’ sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin, u ħlas ta’ €9,500 fi flus kontanti lill-vittmi li kienu laħqu ħarġu flushom biex xtraw oġġetti sagri li ma kienux jafu li kienu misruqa.
Dalgħodu, l-eks kappillan ammetta tnejn mit-tliet akkużi miġjuba kontrih.
AKTAR KMIENI
Dalgħodu l-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti lil Patri Deo Debono, li sa x-xahar li għadda kien iservi bħala Kappillan fil-Parroċċa ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta. Dan wara li jiem ilum Net News kien żvela l-isem ta’ Patri Deo bħala s-suspettat ewlieni b’rabta mal-pitturi li kienu għosfru mill-Knisja ta’ Santu Wistin.
L-eks kappillan kien akkużat b’serq u miżapproprjazzjoni ta’ oġġetti minn postijiet sagri fil-Belt.
Patri Deo Debono tressaq quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia.
Filwaqt li Patri Deo Debono ammetta għal bosta mill-akkużi fil-konfront tiegħu, id-Difiża talbet li fid-dawl tad-delikatezza tal-każ, is-smigħ jissokta fil-magħluq.
Il-Qorti laqgħet it-talba tad-Difiża mmexxija mill-avukat Stephen Tonna Lowell, bil-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Saviour Baldacchino u Jeffrey Scicluna.
Fl-awla baqa’ preżenti Patri Lesie Gatt li hu l-Provinċjal tal-Patrijiet Agostinjani f’Malta li jinsab assistit mill-avukat Karl Micallef.
