Ambjent Lokali

Iċ-Ċief qed iħalli l-bejta għall-ewwel darba…u għandu bżonn l-għajnuna tiegħek!

BirdLife Malta qed tappella lill-pubbliku biex isalva frieħ tal-għasafar tal-baħar li jispiċċaw diżorjentati u jinqabdu fuq l-art kaġun tat-tniġġis mid-dawl.

Qed jappellaw lill-pubbliku biex iżomm għajnejh miftuħin għal frieħ tal-għasafar tal-baħar li jistgħu jispiċċaw diżorjentati huma u jħallu l-bejta għall-ewwel darba.

F’dan iż-żmien tas-sena, iż-żgħar taċ-Ċief ikunu qed iħallu l-bejtiet u jħejju biex itiru minn fuq l-irdumijiet fejn ibejjet dan l-għasfur tal-baħar għal fuq il-baħar.

Madanakollu, it-tniġġis mid-dwal qawwija mal-kosta jistgħu jiddiżorjentawhom u jżidu ċ-ċans li minflok fuq il-baħar dawn l-għasafar żgħar jispiċċaw itiru lejn l-art fejn jispiċċaw f’toroq, xtut, portijiet, bliet u rħula jew zoni oħra urbani.

Meta jinqabdu fuq l-art dawn il-frieħ isibu diffikultà biex itiru lura lejn il-baħar – fejn iqattgħu l-parti l-kbira ta’ ħajjithom – b’periklu saħanistra għalleżistenza tagħhom.

Kif tagħmel kull sena tul l-istaġun tal-bejta ta’ dawn l-għasafar, BirdLife Malta qed tappella lill-pubbliku biex jirrapporta każi ta’ Ċief maqbud fuq l-art lil BirdLife Malta, sew jekk jinnota frieħ f’diffikultà kif ukoll jekk isib xi ferħ maqbud fuq l-art.

Dan japplika l-aktar għall-jiem bejn l-14 u l-24 ta’ Ottubru li huma meqjusin bħala l-perjodu meta l-aktar li probabbli jkun hemm frieħ li jinqabdu fuq l-art, għalkemm dan jista’ jibqa’ jiġri anke sal-bidu ta’ Novembru. Għalkemm residenti li joqogħdu qrib lokalitajiet bħal Pembroke, Birżebbuġa, Ħal Far u ċ-Ċirkewwa f’Malta; u xXlendi u l-Imġarr f’Għawdex huma l-aktar probabbli li jiltaqgħu ma’ każi bħal dawn speċjalment jekk ikunu qed jimxu tard billejl jew kmieni filgħodu qrib il-kosta, xi ħaġa bħal din tista’ sseħħ kważi kullimkien.