Lokali Sport

Il-Kap tal-PN Adrian Delia jiltaqa’ mat-tim tal-Futsal Luxol St Andrews

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ltaqa’ mal-uffiċjali u l-players tat-tim tal-Futsal Luxol St Andrews waqt laqgħa li saret fil-Kamra tal-Oppożizzjoni fil-Parlament. Dr Delia feraħ lill-membri kollha tat-tim għar-riżultati ferm prestiġġjużi li huma kisbu barra minn xtutna, li għamlu unur kbir lill-pajjiżna.

Adrian Delia saħaq li ċ-ċokon ta’ pajjiżna m’għandu qatt ikun ta’ xkiel sabiex nimmiraw li niksbu l-aqwa riżultati possibbli u s-suċċessi li kiseb it-tim tal-Futsal Luxol St Andrews huwa eżempju ta’ dan. Huwa qal li ż-żgħażagħ li jixtiequ li huma wkoll jieħdu sehem fl-isport tal-futsal għandhom iħares lejn il-mentalità rebbieħa ta’ Luxol kemm fl-impenji lokali iżda wkoll bl-unur għal pajjiżna fl-UEFA Futsal Champions League.

Fil-livell lokali, t-tim tal-Futsal Luxol St Andrews kiseb id-double bir-rebħ tal-kampjonat u tan-knock out. Fl-aħħar ġimgħat kienu impenjati fir-round preliminari tal-UEFA Futsal Champions League fi Tromso fin-Norveġja u ġew fl-ewwel post fil-grupp tagħhom. Nhar il-Ħamis li ġej, Luxol St Andrews se jkunu qegħdin jieħu sehem fir-round ewlieni ta’ din il-kompetizzjoni fi Praga. 

Matul din il-laqgħa mat-tim tal-Futsal ta’ Luxol St Andrews, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Ġlieda kontra l-Obeżità Ryan Callus.