Internazzjonali

Il-Kosovo: Suċċess elettorali għall-partiti tal-Oppożizzjoni

Suċċess elettorali għall-partiti tal-Oppożizzjoni

Il-partiti tal-Oppożizzjoni rebħu l-akbar ammont ta’ voti fl-elezzjoni ġenerali tal-Kosovo – bil-Partit Vetevendosje taċ-ċentru-xellug u l-Lega Demokratika (LDK) taċ-ċentru-lemin mistennija jiksbu madwar 25 fil-mija tal-vot kull wieħed.

Sadattant hemm il-ħtieġa għal negozjati, ’il quddiem, biex ikun iffurmat Gvern ta’ koalizzjoni fi Pristina. Dan meta r-riżultati preliminarji għalissa huma bażati fuq aktar minn 80 fil-mija tal-voti li laħqu ngħaddew.

Il-mexxejja taż-żewġ partiti fl-Oppożizzjoni, waqt il-kampanja elettorali, kienu indikaw il-ħsieb biex, f’każ ta’ suċċess, jiffurmaw flimkien koalizzjoni amministrattiva. Iżda biex din il-koalizzjoni tkun stabbli, il-Vetevendosje u l-Lega Demokratika se jkollhom bżonn l-appoġġ minn partit ieħor – inkella s-sostenn tal-minoranzi (Serbi, Torok u Bosnijaċi) li, flimkien, għandhom 20 siġġu fil-Parlament.

Intant, il-Partit Vetevendosje u l-Lega Demokratika it-tnejn huma impenjati biex jindirizzaw il-qgħad u jiġġieldu lill-kriminalità u l-korruzzjoni.

Fl-istess ħin, il-Kap ta’ Vetevendosje, Albin Kurti, qal li beħsiebu ‘iħabbat fuq il-bieb tal-LDK’ biex jibdew in-negozjati intiżi għal koalizzjoni.

L-elezzjoni fil-Kosovo ssejħet f’Lulju meta l-Prim Ministru, Ramush Haradinaj, irriżenja biex jiffaċċja l-interrogazzjoni tat-tribunal li jipproċessa r-reati tal-gwerra li hu bbażat f’The Hague, fl-Olanda.

Il-partit ta’ Haradinaj – ekskmandant tar-ribelli fil-konflitt tal-1998-99 bejn il-Kosovo u s-Serbja — issa, mistenni jirbaħ biss għaxra fil-mija tal-vot. Dan meta hu għadu qed jiċħad għal reati tal-gwerra waqt il-konflitt li rriżulta fi Stat tal-Kosovo indipendenti.

L-elezzjoni tal-Ħadd kienet ir-raba’ waħda mindu l-Kosovo iddikjarat l-indipendenza mis-Serbja, fl-2008.

Is-Serbja ma tirrikonoxxix lill-Kosovo bħala Stat indipendenti waqt li r-Russja qed tostakola lill-Kosovo milli ssir membru tan-Nazzjonijiet Uniti u entitajiet internazzjonali oħra.