Lokali Parlament

Il-Kumitat dwar l-Ambjent irid jiddiskuti biss dak speċifikat

I

F’ruling l-Ispeaker Anġlu Farrugia tratta dak li seħħ fil-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp tat-12 ta’ Awissu 2019 fejn id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi talab ruling dwar jekk membru għandux dritt jitlob diskussjoni u mhux deċiżjoni bħall-allegazzjoni li tneħħiet l-aċċessibbiltà għal ċertu informazzjoni minn fuq is-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi talab dan b’reazzjoni għal dak li ddikjara d-deputat Laburista Alex Muscat, li hu wkoll iċ-Charperson tal-Kumitat, meta qal li l-Ispeaker kien widdeb lill-Kumitat u qallu li ma setax jiddiskuti suġġetti li m’humiex fil-kompetenza tal-liġi li tirregola l-istess l-Kumitat u li biex dan isir irid ikun il-permess tal-parlament.

L-Ispeaker qal li l-Kumitat jista’ jiddiskuti suġġetti skont l-Att tal-Ambjent għalkemm il-poteri tal-kumitat setgħu jiġu mwessa’ b’mozzjoni fil-parlament. Dan isir permezz ta’ poteri addizzjonali li jingħataw. Hu semma’ żewġ rulings passati li rrigwardjaw ċirkostanzi simili u qal li jirriżulta li l-liġi tispeċifika liema huma t-temi li l-Kumitat jista’ jiddiskuti.

L-Ispeaker iddeċieda li l-ħidma tal-Kumitat għall-Ambjent hi speċifikata mill-Att dwar l-Ambjent u għalhekk l-azzjonijiet li l-Kumitat jista’ jieħu huma regolati b’dik b’dak l-Att.