L-aħbar żvelata fil-midja li ditta fil-Marsa ppreżentat protest ġudizzjarju fil-Qorti kontra l-Wastserve għax l-intejjen mill-inċineratur fil-Marsa qed imarrdu lill-impjegati, tikkonferma li l-PN kien korrett u fattwali meta fit-23 ta’ Settembru li għadda kixef dan kollu, u juri l-inkompetenza tal-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera.
Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u l-Green Initiatives Jason Azzopardi.
Huwa ta’ għajb li fl-2019, Gvern li jippoppa bħala l-aqwa f’kollox ħoloq periklu għas-saħħa tan-negozji u r-residenti tal-Marsa u n-naħa t’isfel ta’ Raħal Ġdid minħabba dawn l-intejjen insopportabbli. Huwa ta’ għajb li l-Ministru Herrera għadu ma laqax l-isfida li l-PN għamillu fl-24 ta’ Settembru li għadda biex jagħti aċċess minnufih lill-midja fl-inċineratur tal-Marsa, fl-impjant ta’ Sant’Antnin u l-Magħtab ħalli l-ġurnalisti jaraw b’għajnejhom ir-riżultat tal-politika ambjentali ‘progressiva’ tal-Gvern Laburista. Huwa ta’ għajb li mijiet ta’ eluf spiċċaw f’salarji għal konsulenti u persons of trust li l-Ministru Herrera daħħal fil-Wastserve biex illum għandna dan ir-riżultat.
Hu ħafna agħar li ghall-inkompetenza tal-Ministru Herrera, li llum sar l-għadu ddikjarat tal-ambjent, qed jispiċċaw iħallsu b’saħħithom in-negozji li investew fil-Marsa u r-residenti Marsin u Pawlisti.
//= $special ?>