Grupp ewlieni tal-Kurdi jinsab urtat għad-deċiżjoni tal-Istati Uniti biex tirtira lit-truppi tagħha mill-pożizzjonijiet Fit-Tramuntana tas-Sirja – bl-irtirar mistenni jwitti t-triq għal azzjoni militari mit-Turkija kontra l-ġellieda Kurdi fiz-zona tal-fruntiera.
Il-qawwiet immexxija mill-Kurdi, s’issa, kienu alleati ewlenin tal-Amerikani fis-Sirja u kienu wkoll strumentali għad-disfatta tal-grupp terroristiku ISIS fl-artijiet partikulari. Madankollu, it-Turkija tqis xorta lil dawn il-qawwiet Kurdi bħala ‘terroristi’’.
Intant, il-grupp ewlieni mmexxi mill-Kurdi f’dik iz-zona fisser l-irtirar sorpriża tat-truppi Amerikani bħala ‘daqqa ta’stallett f’dahru’. Iżda l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, iddefenda d-deċiżjoni u tenna li ‘wasal iż-żmien biex l-Amerikani ma jibqgħux involuti fil-gwerer bla tmiem’.
L-irtirar qed isegwi stqarrija mill-White House ta’ Washington li sostniet li t-truppi Amerikani kienu qed iwarrbu mill-inħawi ‘qabel azzjoni imminenti tal-qawwiet Torok’.
Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, qal, intant, li l-iskop ta’ pajjiżu hu li jikkumbatti lill-ġellieda Kurdi fiz-zona tal-fruntiera bejn is-Sirja u t-Turkija u biex titwaqqaf ‘zona ta’ sigurtà’ għar-refuġjati Sirjani li fil-preżent qegħdin jgħixu fit-Turkija.
Is-sorsi umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti qalu li l-ħaddiema tal-għajnuna qed ‘iħejju għall-agħar’ f’każ li jiżbroffa l-ġlied fl-artijiet lejn il-grigal tas-Sirja. Dan meta hemm il-possibbiltà ta’ mewġa ġdida ta’ refuġjati, bl-entitajiet umanitarji jridu jkunu lesti għall-eventwalità.
//= $special ?>