Futbol Sport

Mosta jkunu aktar organizzati u jagħtu l-ewwel telfa lil Ħamrun –

Stewart Said

ĦAMRUN S……………. 0 MOSTA………………….. 2 

Ħamrun: M. Bartolo, M. Cinquini, O. Nikolopoulos, A. Capitelli (R. Darmanin 57’), C. Failla, T. Caruana, V. Alhinho, K. Micallef, S. Lagzir, N. Leone (D. Borg 92’), W. Domoraud 

Mosta: A. Vella, D. Xuereb, T. Farrugia, R. Morisco, D. Bonnici (K. Gatt 90’), L. Villarreal, M. Muchardi, N. Kotlov, E. Murga (Z. Brincat 82’), A. Roach, M. Jallow (C. Grech 92’) 

Imwissija: W. Domoraud 39’, N. Leone 49’ (Ħ), D. Xuereb 55’, A. Roach 56’, M. Muchardi 63’ (M) 

Skorja: N. Kotlov 22’, 75’ (Ħ) 

Referee: Fyodor Zammit 

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, Theodore Zammit 

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Rafael Morisco (Mosta) 

BOV Plejer tal-logħba: Nicolaevich Kotlov (Mosta) 

Attendenza: 1009 

Fl-istaġun li għadda Mosta kisbu draw u rebħa kontra Ħamrun Spartans u f’dan l-istaġun ikkundannaw lill-Ħamruniżi għall-ewwel telfa b’rebħa ta’ 2-0. Kollox ma’ kollox titqies rebħa meritata hekk kif għarfu jikkontrollaw lill-avversarji mingħajr ballun u kienu perikolużi fuq il-kontrattakk. 

Ħamrun kellhom ħafna pussess iżda meta bdew jersqu lejn il-lasta ftit kienu ta’ inkwiet għal Andreas Vella. B’hekk it-tim ta’ Manuele Blasi naqas li jilħaq lil Floriana fil-quċċata u wara l-waqfa internazzjonali jippreparaw għal kalendarju diffiċli. Għal Mosta din ir-rebħa tressaqhom aktar lejn nofs il-klassifika. 

Ħamrun setgħu marru minn fuq wara erba’ minuti bi kross mix-xellug ta’ Soufiane Lagzir lejn Wilfried Domoraud li naqas li jikkonkludi mill-viċin, biex fl-14-il minuta xutt mill-ewwel ta’ Triston Caruana għadda ftit barra. 

Mosta għal ftit ma marrux minn fuq fl-20 minuta b’Nicolaevich Kotlov iqassam lejn Matias Muchardi li tefa’ kross perikoluż mil-lemin iżda Momodou Jallow naqas li jkompli għal ġewwa.

Il-Mostin marru fil-vantaġġ żewġ minuti wara bi free-kick b’saħħtu ta’ Rafael Morisco li kien salvat parzjalment minn Manuel Bartolo, b’NICOLAEVICH KOTLOV jidħol tajjeb u skorja b’daqqa ta’ ras mill-viċin.

Ħamrun kellhom aktar pussess iżda ma kinux qed ikunu ta’ periklu għal Andreas Vella u saħansitra kienu Mosta li fis-36 minuta kellhom ċans tad-deheb b’Edin Murga javvanza minn kontrattakk iżda minn qagħda ideali inkredibbilment żbalja kompletament ix-xutt. 

Il-Ħamruniżi żiedu l-pressjoni fit-tieni taqsima għalkemm baqgħu mhux perikolużi. L-eqreb li wasal kien Soufiane Lagzir li b’azzjoni personali fid-59 minuta ċċentra għan-nofs iżda x-xutt tiegħu għadda fuq il-mimduda. 

Mosta bdew joperaw bil-kontrattakk u għal ftit ma kkastigawhomx fis-66 minuta b’Edin Murga jkollu xutt li ħabat man-naħa ta’ barra tax-xibka biex erba’ minuti wara Kotlov għadda lejn Muchardi iżda x-xutt fil-baxx kien salvat minn Bartolo. 

Okkażjoni tajba għal Ħamrun minuta wara b’korner mil-lemin ta’ Triston Caruana, bid-difensur Orestis Nikolopoulos jara d-daqqa ta’ ras tgħaddi ftit barra. Ċans tad-deheb ieħor fl-74 minuta b’Morisco jimblokka parzjalment kross perikoluż, bil-ballun spiċċa għand Domoraud li spara għoli minn qagħda tajba. 

Ta’ dan pattew qares għaliex żewġ minuti wara Mosta skorjaw it-tieni gowl b’xutt angolat ta’ NICOLAEVICH KOTLOV li għeleb lil Manuel Bartolo. Ħamrun baqgħu jattakkaw fid-79 minuta daqqa ta’ ras ta’ Nicola Leone għaddiet ftit barra. 

Minkejja l-pussess, Ħamrun baqgħu ma kinux perikolużi u lejn it-tmiem Muchardi ra t-tentattiv mid-distanza jgħaddi ftit għoli wara li Bartolo ħareġ minn postu.