Futbol Sport

Rebħa meritata għal Floriana li terġa tpoġġihom fil-quċċata

Stewart Said 

FLORIANA………………. 2 TARXIEN R……………… 1 

Floriana: I. Akpan, A. Cini, E. Ruiz, J. Pisani, R. Camenzuli, D. Venancio, U. Arias (C. Borg 81’), M. Garcia, J. Busuttil (T. Vella 75’), T. Fonseca, K. Keqi (B. Paiber 91’) 

Tarxien: R. Briffa, M. Botta, D. Mambouana, G. Camilleri, T. Veronese, B. Farrugia, M. Stanojevic (M. Ciantar 77’), N. Portelli (B. Muscat 81’), M. Gomez, M. Murillo Torres, E. O’Darney 

Imwissija: V. Potenza 57’ (kowċ ta’ Floriana), G. Camilleri 61’ (T) 

Skorjaw: M. Murillo Torres 23’ (T), J. Busuttil 27’, K. Keqi 52’ (F) 

Referee: Emanuel Grech 

Assistenti RefereesThomas Debono, Ivan Galea 

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Diego Venancio (Floriana) 

BOV Plejer tal-logħba: Kristian Keqi (Floriana) 

Floriana reġgħu telgħu fil-quċċata tal-klassifika b’wirja pożittiva għalkemm naqsu li jaċċertaw mir-rebħa kmieni. Diversi plejers tat-tim Furjaniż kellhom prestazzjoni pożittiva, jispikkaw fosthom Diego Venancio, Kristian Keqi u Matias Garcia, bid-difiża ftit ikollha x’tagħmel. 

Minkejja li r-rebħa għal Floriana kienet meritata, Tarxien kellhom prestazzjoni sodisfaċenti. Fl-attakk ma kinux perikolużi iżda kkontrollaw l-isforzi tal-avversarji għal ħafna ħin bil-limitazzjonijiet tagħhom. Fil-verità hu ftit inġust magħhom li għadhom mingħajr punt b’dawn il-prestazzjonijiet. Il-kowċ Marko Glumac kellu jgħaddi mingħajr Daniel Zerafa, Matthew Tabone, Matthew Spiteri u Ayrton Azzopardi. 

Kienu Floriana li wara tliet minuti marru viċin bi free-kick ta’ Diego Venancio li ħabat man-naħa ta’ barra tax-xibka. Iżda Tarxien fetħu l-iskor fit-23 minuta f’attakk mibdi mill-kaxxa tagħhom, bid-debuttant MANUEL MURILLO TORRES jixxuttja bix-xellug minn barra l-kaxxa u għeleb lil Ini Akpan, bil-ballun jaħbat quddiem il-gowlkiper Furjaniż u baqa’ dieħel fix-xibka. 

Reazzjoni immedjata ta’ Floriana li anqas minn erba’ minuti wara ġabu d-draw. Kien free-kick b’saħħtu mil-lemin ta’ JAN BUSUTTIL li kien imxellef minn Brooke Farrugia u spiċċa fix-xibka. Fit-33 minuta, Matias Garcia qassam vertikalment lejn Kristian Keqi li daħal fil-kaxxa iżda x-xutt fil-baxx kien salvat minn Rudy Briffa. 

Tliet minuti wara, Ryan Camenzuli tefa’ kross mix-xellug lejn Tiago Fonseca li tfixkel mill-viċin, bil-ballun jispiċċa għand Keqi li għeleb lil Briffa b’xutt fil-baxx iżda t-tentattiv kien imċaħħad miż-żewġ lasti l-wieqfa. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Fonseca għadda tajjeb lejn Busuttil li qabbeż ftit fuq Briffa iżda l-konklużjoni għaddiet ftit barra. 

Floriana fetħu t-tieni taqsima bl-aħjar mod meta marru fil-vantaġġ fit-53 minuta bi kross preċiż ta’ Venancio lejn KRISTIAN KEQI li b’daqqa ta’ ras għar-rokna għeleb lil Briffa. Sitt minuti wara Arias fetaħ tajjeb lejn Keqi li avvanza iżda x-xutt fil-baxx tiegħu għadda ftit barra. 

Għalkemm Tarxien ma kinux perikolużi għal-lasta ta’ Akpan, Floriana naqsu li jkunu kreattivi biżżejjed biex jagħlqu l-logħba, bl-aħjar ċans jasal fl-84 minuta b’Keqi jqassam lejn Venancio iżda x-xutt finali għadda barra.