Internazzjonali

Rebħa mingħajr maġġoranza għal Costa fil-Portugall

Il-Prim Ministru tal-Portugall, Antonio Costa, rebaħ l-elezzjoni parlamentari tal-Ħadd iżda mhux se jkollu maġġoranza assoluta fl-assemblea ta’ Lisbona.

Filwaqt li għadu għaddej l-għadd tal-voti, il-Partit Soċjalista ta’ Costa jinsab fuq quddiem b’37 fil-mija tal-appoġġ popolari u mistenni li l-Prim Ministru jkun jista’ jifforma ‘dalwaqt’ gvern ta’ minoranza. Il-Partit Soċjal Demokratiku, ir-rivali kbir tas-Soċjalisti, se jispiċċa fit-tieni post.

Intant, Antonio Costa, fl-ewwel kummenti, qal li l-elettorat Portugiż wera x-xewqa għall-istabbilità u biex il-partit fil-Gvern ikompli ‘bil-patt’ mal-Blokk tax-Xellug u l-Komunisti. Hu saħaq li għandu jkompli jiggverna pajjiżu b’sens ta’ determinazzjoni u responsabbiltà.

Filwaqt li l-gruppi politiċi partikulari fil-Portugall kienu qed isejħu għal aktar investiment fis-servizzi pubbliċi, Costa, fil-futur, mistenni jġedded l-impenn tiegħu favur ir-regoli tal-baġit taz-zona ewro.