Lokali Unjoni Ewropea

“Se nżomm il-wegħdi li għamilt mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia”

Il-Kummissarju Ewropew Vera Jourova

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea nnominat għall-Valuri u t-Trasparenza, Vera Jourova qalet lill-Parlament Ewropew; “Iltqajt mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia u tajt wegħda lil ommha li se nagħti ħarsa mill-qrib lejn l-investigazzjonijiet. Għamilt ukoll wegħda lil binha li se nipproteġi lill-ġurnalisti. Dawn huma impenji qawwija ħafna.”

Il-MPE Roberta Metsola, li hija wkoll il-Koordinatriċi tal-PPE f’dawn is-seduti tal-Kummissarji nnominati qalet li “Daphne Caruana Galizia kienet investigat ukoll l-iskemi ta’ flus għall-passaporti. Aħna nafu li m’hemm l-ebda rabta ġenwina ma’ Malta jew mal-Unjoni Ewropea. Nafu biss bil-lakuni fis-sigurtà li dawn l-iskemi qed jesponu u l-korruzzjoni, il-manipulazzjoni elettorali u l-ħasil tal-flus. Qatt ma għandna naċċettaw il-monetizzazzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej. Wasal iż-żmien li dawn l-iskemi jiġu pprojbiti. “

Il-Viċi President innominat ikkritikat bl-aħrax l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti mmexxija mill-Gvern Malti. Is-sinjura Jourova enfasizzat l-impenn tagħha li ser teżamina l-iskemi u qalet “Naqbel li wasal iż-żmien li jiġu pprojbiti dawn l-iskemi – Il-Gvernijiet qed ibigħu dak li mhuwiex kompletament tagħhom – iżda l-liġijiet tal-UE jillimitaw x’nistgħu nagħmlu u għalhekk dak li nistgħu nagħmlu huwa li ngħaddu leġiżlazzjoni biex l-affarijiet isiru aktar trasparenti.”

Dwar l-istat tad-dritt u l-ħarsien tal-libertà tal-midja, l-ewroparlamentari Metsola qalet: “Ġejt fdata b’portafoll li huwa pilastru fundamentali tal-proġett Ewropew. Is-saltna tad-dritt hija l-bażi għal dak kollu li nagħmlu hawn u nafu li jekk inħalluha tiġi mhedda kullimkien inkune qed nirriskjaw li tiġġarraf kullimkien. Din hija n-natura tal-Unjoni tagħna. “

Il-MPE Metsola tenniet ix-xewqa tagħha biex jiġi stabilit mekkaniżmu tal-UE dwar l-istat tad-dritt u tidħol liġi tal-UE kontra l-SLAPP. L-ewroparlamentari Metsola qalet li l-ġurnalisti għandhom ikunu mħarsa mhux biss mill-qtil fl-agħar każijiet, iżda wkoll minn theddid kostanti u kawżi fiergħa jew vessatorji.

Meta wieġbet għall-mistoqsijiet tal-MPE Metsola, il-VP Jourova ikkommettiet ruħha li tagħti ħarsa mill-qrib lejn il-leġislazzjoni li tipproteġi l-libertà tal-istampa u li tindirizza kawżi vessatorji fl-Ewropa.