Kultura Lokali

Serata mżewqa mimlija ħajja, mużika, kant, qari u lwien

Fis-Sala Antoine de Paule, fil-Palazz tal-President f’San Anton Ħ’Attard, nhar il-Ħamis 26 ta’ Settembru 2019, inżammet serata mużiko-letterarja tabilħaqq mimlija ħajja u mlewna f’ġieħ il-Professur Oliver Friggieri. Matulha sar qari ta’ poeżija, versi li kienu mużikati flimkien ma’ daqq ta’ mużika magħżula mill-awtur Oliver Friggieri.

Is-serata, li kienet taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta t-Tabib George Vella, fetħet b’silta mużikata mir-Rumanz It-Tfal jiġu bil-vapuri tal-istess Friggieri, bħalma kienu l-bqija ta’ poeżiji li nqraw jew kienu kantati, li kienet kantata minn Diane Micallef.

Wara l-attriċi magħrufa u qarrejja Karmen Azzopardi qrat il-poeżija Pellegrin Distratt. It-tifla Elise u t-tfajjel Luca Brincat Friggieri qraw flimkien Talba ta’ tifla ċkejkna għall-Paċi.

Kien imiss lill-vjolinista ċelebri George Curmi l-Pusè flimkien ma’ ibnu l-vjolinist Bernard Curmi jdoqqu Queen silta mill-Bohemian Rhapsody.

L-organizzatur tas-serata u attur magħruf Mario Micallef qara  Fil-Bar tal-Kantuniera filwaqt li Vince Fabri espert tal-kitarra daqq u kanta Hekk Biss Ikun Poeta.

Mill-ġdid Karmen Azzopardi qrat il-poeżija Għabex u wara Vince Fabri fuq il-kitarra u Diane Micallef interpretaw Poeta.

Minn qalbha u b’espressjoni qawwija Nathalie Micallef qrat il-poeżija Xi Ġralek Ma?

Mużika magħżula

It-tieni taqsima fetħet b’mużika magħżula mill-kittieb Oliver bl-interpretazzjoni fuq il-vjolin minn Bernard Curmi ta’  Theme from Schindler’s List. Wara, Mario Micallef flimkien ma’ Karmen Azzopardi qraw Għanja ta’ Mħabba u mill-ġdid Vince Fabri fuq il-kitarra kanta Il-Bikja tal-Buskett.

Nathalie Micallef wara qrat Kwadrett Turistiku f’Budapest u dlonk warajha l-attur Mario Micallef qara poeżija li ħarġet mill-pinna ta’ Oliver Friggieri li ddedikaha lilu bl-isem ta’ L-aħħar Kelma, Forsi. Dinil-poeżija kienet qed tinqara għall-ewwel darba.

Mill-ġdid din id-darba George Curmi l-Pusè fuq is-sassofonu interpreta Portrait of my Love. ul-attriċi Karmen Azzopardi  qrat il-poeżija Tħallux u Nathalie Micallef, warajha qrat Solitudni.

Lejn l-aħħar, Vince Fabri fuq il-kitarra u Diane Micallef bħala kantanta interpretaw Il-Blata tas-Seklu filwaqt li din it-tieni u l-aħħar taqsima ta’ kant, daqq u qari ntemmet b’poeżija li kienet animata minn Mario Micallef Ribell Ġentili.

Is-serata ntemmet  mill-President ta’ Malta t-Tabib George Vella li f’diskors mirqum għal din il-lejla kulturali,  stqarr li l-Professur Oliver Friggieri rnexxielu jwaħħad flimkien l-Ilsien Malti, l-espressjoni letterarja u l-ħidma politika.

Il-President spjega li din kienet l-ewwel minn sensiela ta’ attivitajiet kulturali li se jsiru matul il-presidenza tiegħu.

Il-mixja storika u kulturali tal-poplu Malti

Hu qal li l-Professur Friggieri hu awtur Malti li għaraf jinterpreta b’mod sħiħ il-mixja storika u kulturali tal-poplu Malti lejn l-għarfien ħolistiku ta’ nazzjonalità individwali tiegħu.

Il-President Vella appella biex l-individwi jagħrfu jużaw il-kelma fil-midja soċjali għall-ġid komuni u mhux għall-interess personali li jista’ jkun ta’ ħsara għal ħaddieħor.

Sadattant f’kelmtejn minn qalbu, il-Professur Oliver Friggieri fakkar li l-poeżija tiktibha biex tesprimi dak li tħoss. Hu appella biex f’pajjiżna nbiddlu l-lingwa fejn tidħol il-politika u li din għandha tinbidel f’lingwa ta’ mħabba u li twassalna biex naraw il-ġid komuni lil hinn minn kull twemmin politiku.

Hu rringrazzja lil Mario Micallef li kien hu li organizza din is-serata tabilħaqq memorabbli u mill-isbaħ.

Għal din is-serata attendew bosta personalitajiet magħrufa fosthom l-eks President ta’ Malta Ugo Mifsud Bonnici, kif ukoll dawk midħla tal-letteratura, akkademiċi, ħbieb tal-istess poeta l-Profs. Oliver Friggieri, flimkien ma’ ħafna oħrajn li jgħożżu l-Ilsien Malti.