Qorti fl-Izkozja ma laqgħetx it-talba ta’ attivisti biex tinħareġ direttiva li tisforza lill-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson biex jitlob posponiment ta’ Brexit f’każ li hu ma jikkonkludix ftehim mal-Unjoni Ewropea f’anqas minn ġimgħatejn oħra.
Johnson insista kemm il-darba li r-Renju Unit għandu joħroġ mill-UE sal-31 ta’ Ottubru u li hu, bl-ebda mod, mgħandu jipprova jestendi d-data ( deadline) stabbilita.
Madankollu, il-Parlament f’Londra, ix-xahar l-ieħor, għadda liġi magħrufa bħala l-‘Benn Act’ li tirrikjedi li Johnson jitlob dawmien f’każ li jonqos minn ftehim ma’ Brussell sad-19 ta’ Ottubru – u (anki) f’każ li hu ma jkollux l-approvazzjoni tad-deputati fil-House of Commons biex jikkonkludi Brexit mingħajr ftehim.
Filwaqt li beħsiebu jimxi mal-liġi, Boris Johnson anki baqa’ jisħaq bil-wiegħda li ‘ir-Renju Unit se jkun barra mill-UE wara dan ix-xahar’ u mingħajr ma spjega l-element ta’ kontradizzjoni.
Intant, l-Imħallef Paul Cullen, issa, ċaħad il-każ li l-attivisti anti-Brexit kienu ressqu lill-Court of Session tal-Iskozja, bil-ħsieb li din il-qorti toħroġ ordni biex iġġiegħel lil Boris Johnson iżomm mal-kriterji tal-Benn Act. L-Imħallef Cullen qal li l-assigurazzjonijiet provduti mill-uffiċjal legali ewlieni tal-Gvern fl-Iskozja jfissru li direttiva bħal din mgħandhiex tkun neċessarja.
Meta qara d-digriet, l-imħallef qal li l-Gvern ta’ Johnson jaċċetta li jrid jirrispetta l-Att tal-2019 waqt l-implimentazzjoni tal-politika tiegħu ‘u għaldaqstant mhmmx lok għal direttiva li tisforza dan id-dover min-naħa tal-Gvern u l-Prim Ministru Britanniku’.
Madankollu, l-avukat Jo Maugham, protagonista fl-impenn favur id-direttiva, qal li hu u l-attivisti sħabu, illum, għandhom iressqu appell quddiem l-Ogħla Qorti tal-Iskozja.
Fi żvilupp ieħor, Boris Johnson qal lill-Unjoni Ewropea li ‘il-ballun jinsab f’saqajha’ u li l-Unjoni għandha tiddiskuti b’urġenza il-proposta tiegħu biex jinħall l-istaġnar qabel id-deadline għal Brexit. Dan meta Londra u Brussell jinsabu attenti biex jevitaw l-akkużi potenzjali f’sitwazzjoni ta’dawmien għal Brexit jew f’każ li r-Renju Unit joħroġ ‘mingħajr pjan’ mill-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>