Ritchie Cassar
Manchester City, iċ-Champions tal-Ingilterra, kontra kull mistenni tilfu f’darhom ma’ Wolverhampton Wanderers biex issa jinsabu tmien punti wara l-liders Liverpool. Sadanittant, kompliet il-kriżi għal Manchester United li niżlu fit-tnax il-post tal-Premier League wara telfa oħra barra minn darhom, din id-darba għand Newscastle.
Is-Citizens dehru neqsin mill-ideat fl-Etihad Stadium, b’Wolves jaddottaw tattika prudenti f’nofs il-grawnd huma u jilqgħu għall-attakki mhux daqstant konvinċenti taċ-champions sal-ewwel 45 minuta. It-tieni taqsima rat lil City jagħfsu għall-gowl iżda kien l-attakkant ta’ Wolves, Adama Traore, li deċieda l-logħba b’żewġ gowls fl-aħħar għaxar minuti (80 u 94).
Din kienet l-ewwel rebħa għal Wolves għand Man City fl-ogħla diviżjoni Ingliża mill-1979 u bir-riżultat ifisser li t-tim ta’ Pep Guardiola tilef ħames punti mill-ewwel erba’ logħbiet f’daru fil-kampjonat.
Kompla, intant, l-istaġun problematiku għal Manchester United li tilfu, 0-1, ma’ Newcastle United f’St James Park. Il-gowl deċiżiv skurjah Matty Longstaff, 20 minuta mit-tmiem, bil-Geordies, issa, joħorġu miz-zona l-ħamra fejn qabżu lil Southampton fis-sbatax il-post tal-klassifika.
Ir-Red Devils kienu nieqsa mill-ideat quddiem il-lasta ta’ Martin Dubravka, b’Harry Maguire, qabel il-mistrieħ, jagħmel l-impossibbli u jfalli daqqa ta’ ras mill-viċin fuq azzjoni ta’ korner. Qabel din l-azzjoni, Longstaff kien mar qrib għal Newcastle meta x-xutt tiegħu minn barra l-kaxxa ħabat mal-mimduda u spiċċa barra.
Fit-tieni taqsima, United ħarġu aktar aggressivi iżda n-nuqqas ta’ kwalità fuq quddiem dehret evidenti — b’Newcastle japprofittaw meta Jetro Willems, waqt kontra-attakk, għadda l-ballun lil Matty Longstaff li għeleb lil de Gea b’xutt fil-baxx. B’hekk Longstaff sar l-iżgħar plejer (fl-età ta’ 19 il-sena) li mmarka d-debutt fil-Premier League b’gowl u meta United kisbu biss disa’ punti mill-ewwel tmien logħbiet tal-kampjonat.
Arsenal telgħu t-tielet fil-Premier League wara rebħa, 1-0, fuq Bournemouth fl-Emirates Stadium. L-iżblokk importanti wasal minn David Luiz li, fid-disa’ minuta, xeħet ġewwa mill-korner ta’ Pepe għall-ewwel gowl tiegħu mindu ngħaqad mal-Gunners minn ma’ Chelsea.
Bournemouth tjiebu wara l-mistrieħ u marru viċin bit-tentattiv ta’ Callum Wilson iżda huma rari kienu ta’ uġigħ ta’ ras għal Bernd Leno fil-lasta ta’ Arsenal. Il-Gunners għal ftit ma rduppjawx fl-aħħar ħinijiet meta Pierre-Emerrick Aubameyang laqat sieq il-lasta.
Chelsea komplew jimpressjonaw b’rebħa enfatika, 4-1, kontra Southampton f’St Mary’s Stadium biex issa qegħdin jokkupaw il-ħames post fil-Premier League, b’differenza ta’ gowls inferjuri għal Leicester City u b’punt biss taħt Arsenal.
Gowl opportunist minn Tammy Abraham (17) ta vantaġġ mistħoqq lill-Blues waqt li Mason Mount irdoppja mill-qrib seba’ minuti wara. Imbagħad kien imiss lis-Saints li jnaqqsu l-marġni minn Danny Ings, iżda Chelsea reġgħu żiedu l-vantaġġ ħames minuti mill-mistrieħ meta t-tentattiv ta’ N’Golo Kante ħabat ma’ Hojbjerg u spiċċa ġewwa.
Southampton naqsu milli jwettqu rimonta u minuta mit-tmiem, Michy Batshuayi irċieva mingħand Pulisic biex jegħleb lill-gowlkiper Gunn għar-raba’ u l-aħħar darba.
//= $special ?>