Lokali Parlament Saħħa Xjenza u Teknoloġija

Tisħiħ fid-djalogu bejn l-anzjani u ż-żgħażagħ

Sessjoni plenarja fuq is-solitudni fiż-żewġ faxxex

L-anzjani, bl-għerf u l-esperjenza tagħhom jistgħu ikunu aktar u aktar hemm għaż-żgħażagħ tagħna, l-istess iż-żgħażagħ bl-enerġija u l-ideat ġodda tagħhom jistgħu jagħtu ħafna lill-anzjani tagħna.

Dan kien diskuss fil-Parlament hekk kif fil-plenarja tlaqgħu membri minn dawn iż-żewġ setturi tas-soċjetà biex jiddiskutu s-solitudni li hemm fiż-2 ġenererazzjonijiet.

Fost l-oħrajn tkellmet id-deputat Nazzjonalista, kelliema għall-Anzjanità attiva, Maria Deguara, fejn min-naħa tagħha qalet li llum ħafna anzjani qed ibatu s-solitudni għaliex is-soċjetà, f’ħajja frenetika u mgħaġġla, ma jimpurtahiex minnhom għajr meta tasalhom il-pensjoni u xi bonus. Saħqet kif bidla radikali fit-tessut u l-istruttura tal-familja wassal għal bidla fir-relazzjoni bejn etajiet differenti fl-istess familji.

Għalhekk, Maria Deguara appellat lill-familja Maltija biex tmur lura għall-għeruq tagħha, biex jitħaddnu l-valur ta’ missirjietna u jitkattar ir-rispett ta’ bejn il-familja u l-anzjani. Hija temmet issellem lill-ġenituri, irrilevanti mill-età, li jħarbiku b’għaqal biex uliedhom ikunu komdi u jaħsbu għall-futur sabiħ tagħhom u ta’ uliedhom.

Ritratt: Matthew Tabone

Indirizza l-plenarja Ryan Callus, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-żgħażagħ, li appella liż-żgħażagħ u l-anzjani jkunu xhieda ta’ ċittadinanza attiva billi jsibu aktar ħin bejniethom għaliex hemm ħafna x’jitgħallmu minn xulxin. Saħaq kif huwa tajjeb li f’soċjetà jkollok taħlita ta’ enerġija u ideat żagħżugħa u l-esperjenza fl-anzjani, bħalma jħaddan il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.

Ryan Callus appella liż-żgħażagħ biex ikunu aktar paċenzjużi mal-anzjani meta jiġu biex jgħallmuhom kif jużaw apparat teknoloġiku ġdid, sabiex anki l-anzjani ma jaqgħux lura fis-soċjetà. Bl-istess mod li anki d-Djar tal-Anzjani għandhom ikunu fil-qalba tal-komunitajiet u mhux fl-imwarrab, biex tixxejjen din l-esklużjoni u s-solitudni. Din tikkawża problemi ta’ saħħa mentali, li tolqot anki liż-żgħażagħ b’dipressjoni fi żmien ta’ solitudni.

Preżenti kien hemm ukoll Caritas Malta, fejn qalu li qed ngħixu f’perjodu fejn l-anzjani kull ma jmur qed jiżdiedu, u li l-istess anzjani, għalkemm l-età tagħhom, qed jagħtu ħafna lill-familji rispettivi tagħhom, fejn minħabba dan qed ikollhom ukoll aktar piżijiet finanzjarji.

Tkellmu wkoll numru ta’ żgħażagħ mill-KNŻ fejn taw l-ideat tagħhom mil-lenti żagħżugħa ta’ kif jista’ jkun hemm għajnuna għas-saħħa mentali, b’kawża tas-solitudni, solitudni wkoll li numru ta’ anzjani qed jaffaċjaw ta’ kuljum.