Lokali

Chetcuti Cauchi jiksru s-silenzju

Id-ditta tal-Avukati Chetcuti Cauchi ċaħdet l-irregolaritajiet fl-iskema tal-bejgħ tal-passaporti kif allegati minn programm televiżiv Franċiż.

Fi stqarrija, Jean-Philippe Chetcuti, Managing Partner tad-ditta imsemmija, ċaħad li hu wiegħed xi vantaġġ illegali jew xi intervent illegali.

Qal ukoll li ħadd mill-klijenti tad-ditta li kellu l-applikazzjoni għal passaport Malti miċħuda ma rnexxielu jdawwar din id-deċiżjoni. Hu qal li d-ditta qatt ma aċċettat klijenti li kellhom fedina penali u ħadd mill-klijenti tagħhom ma’ tilef iċ-ċittadinanza minħabba li nstabu ħatja b’xi reat kriminali wara li kienu xtraw il-passaport Malti.

Jean Philippe Chetcuti għamel appell għan-nom ta’ 140 professjonist li huma impjegati mad-ditta biex il-proċess ta’ reviżjoni tal-liċenzja tal-IIP – li bħalissa tinsab sospiża – issir fl-iqsar żmien possibbli, għaliex hemm l-għixien ta’ 140 familja fin-nofs.

Kompla li d-ditta m’għandha l-ebda diffikulta li tiftaħ għal bibien tagħha għall-iskrutinju tal-istituzzjonijiet pubbliċi.Jean Philippe Chetcuti qal li għalissa, mhux se jwieġbu mistoqsijiet mill-media sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet tar-regolaturi u l-inkjesta maġisterjali.