Lokali

€115,000 fuq tliet snin għall-hospice

SAppell lill-kumpaniji kummerċjali biex jgħinu lill-Moviment Hospice fil-missjoni tiegħu li jipprovdi u jippromwovi għadd ta’ servizzi ta’ kura paljattiva, partikolarment fil-proġett St Michael Hospice, li se jkun iddedikat kompletament għal kura paljattiva komprensiva.

B’dan il-ħsieb, it-tmexxija tal-Grupp Farsons se jkun qed jagħti donazzjoni ta’ 115,000 ewro fuq tliet snin – bejn din is-sena u l-2021. B’din id-donazzjoni, mill-Fondazzjoni Farsons, Farrugia Investments u Multigas Limited, il-kumpanija trid tappoġġja lill-Hospice biex titkabbar il-ħidma notevoli għall-benefiċċju tas-soċjetà Maltija, qal iċ-Chairman Louis Farrugia.

Id-donazzjoni kienet ippreżentata lil Maria Gatt, Chairperson tal-Moviment Hospice, li fakkret fis-servizzi b’xejn li jipprovdu u għalhekk, grazzi għall-ġenerożità tal-individwi u tal-kumpaniji, ikomplu jinqdew dawk l-aktar fil-bżonn.

Permezz ta’ dawn id-donazzjonijiet qed isir l-appell lil aktar kumpaniji biex jgħinu lill-Moviment Hospice, f’dan il-proġett f’Santa Venera, li qabel kien magħruf bħala l-Istitut Adelaide Cini. F’dan il-każ, il-fondi se jkunu qed jintużaw għall-bini u t-tlestija tal-faċilitajiet ta’ kċina u kamra tal-ikel għall-‘in-patients’.

Il-kumpless se jkun fih ‘in-patient care unit’, li jopera id f’id mas-servizzi l-oħra ħalli l-kura tkun waħda aktar ħolistika. Is-servizzi ta’ terapija se jiżdiedu, fosthom ukoll b’numru ta’ kliniċi għall-‘out-patients’.