Lokali Parlament

Helena Dalli żgwidat lill-UE meta qalet l-qtil ta’ Daphne kien femmiċidju

– Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li l-ex ministru Helena Dalli żgwidat lill-UE meta waqt il-grilling fil-Parlament Ewropew qalet li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien femmiċidju.

Fl-Aġġornament tal-parlament Claudette Buttigieg tkellmet dwar it-tfajla ta’ 16-il sena Greta Thunberg u qalet li din qed titkellem b’saħħa u determinazzjoni favur l-ambjent waqt li tirrappreżenta ż-żgħażgħ tal-lum. Hi tkellmet dwar l-involviment taż-żgħażagħ favur l-ambjent u spjegat kif Thunberg kellha effett pożittiv fl-Awstrija u fil-Kanada.

Claudette Buttigieg qalet fis-sessjoni tal-parlament taż-żgħażagħ tabu lill-parlament biex jiddeċiedi li hawn kriżi ambjentali fil-klima. Jeħtieġ jittieħdu inizjattivi ambjentali biex id-deputati juru li fehmu dan il-messaġġ. Id-deputati għandhom jitolbu skuża liż-żgħażagħ u li għandhom juru li qed jifhmu l-messaġġ tagħhom. Hi appellat biex il-Kamra tisma’ dan l-appell tal-parlament taż-żgħażagħ.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li qed jikber fenomenu ta’ moviment kbir kontra Greta Thunberg sempliċiment għax hi tfajla. Dan jista’ jwassal għall-mibegħda u għad-disprezz lejn in-nisa u l-bniet. Hemm min qed iħoss li hu mhedded mid-diskors ta’ Thunberg li titkellem bis-saħħa. Hi staqsiet x’reazzjoni kien ikun hemm kieku d-diskors sar minn ġuvni; probabbilment ir-reazzjoni kienet tkun waħda pożittiva.

Claudette Buttigieg qalet li Helena Dalli użat il-kunċett ta’ femmiċidju fil-kuntest tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Hi qalet li kienet maħsuda b’din id-dikjarazzjoni u ttamat li Helena Dalli taf is-sinifikat ta’ femmiċidju li jfisser li mara jew tifla tinqatel sempliċiment minħabba li hi ta’ sess femminili.

Id-deputat Nazzjonalista tat id-definizzjoni ta’ femmiċidju u qalet li l-qtil ta’ Caruana Galizia ma jidħolx f’dan it-terminu għaliex il-qtil ta’ Caruana Galizia ma kellu x’jaqsam xejn ma’ qtil fuq livell ta’ femmiċidju. Helena Dalli żgwidat lill-UE kollha, sostniet Claudette Buttigieg, li kompliet li Helena Dalli pprovat toħloq realtà differenti minn dik li hi. Din weġġgħet lil ħafna nies inkluż lill-familja ta’ Caruana Galizia.