Lokali

Attentat ta’ hold-up f’ħanut fin-Naxxar

Ħadd ma weġġa’ f’attentat ta’ hold-up li fortunatament ma rnexxiex f’ħanut fin-Naxxar.

Għall-ħabta tas-2.15pm, il-Pulizija ġiet infurmata li raġel daħal fil-ħanut, li jbigħ prodotti u servizzi tat-telekomunikazzjoni, u ta x’jifhem li hu armat b’arma li taqta’ u bil-ponta. Hu talab il-flus, iżda kien arrestat fil-post mill-Pulizija.

S’issa għadu mhux ċar jekk ir-raġel kienx verament armat jew le, bil-Pulizija ma jsibux diffikultà jarrestawh għax ma offra l-ebda reżistenza.

Fil-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei. L-Ambulanza reġgħet telqet mill-post vojta wara li ħadd ma weġġa’. Madankollu, uħud mill-ħaddiema ngħataw il-kura fil-post għax-xokk li kienu qed ibatu minnu.

Jidher li essenzjali fl-investigazzjonijiet se jkunu l-filmati mill-cameras tas-sigurtà fil-madwar. Fil-fatt, il-Pulizija żaru ħwienet fil-viċin u tkellmu mas-sidien, bit-tama li jiksbu aktar informazzjoni.

Fi stqarrija, il-kumpanija kkonfermat l-attentat ta’ serqa, filwaqt li rringrazzjat lill-Pulizija għall-intervent tagħhom f’dan il-każ.