Internazzjonali

Il-Ġermanja: Attakk fuq sewwieqa investigat bħala terroriżmu

Attakk fuq is-sewwieqa fil-belt ta’ Limburg qed ikun investigat bħala att ta’ terroriżmu.

Dan wara li raġel seraq trakk u saqu direttament għal ġo tmien vetturi li kienu qed jistennew f’zona tat-traffic lights, bir-riżultat li tmienja spiċċaw midruba.

L-aħħar rapporti qalu li seba’ mill-vittmi kienu qed jingħataw trattament l-isptar u li l-pulizija qed iżżomm raġel suspettat ta’ 32 sena taħt arrest.

Is-sorsi infurmati qalu li s-suspettat, li ilu jgħix fil-Ġermanja mill-2015, hu oriġinarjament mis-Sirja.

L-istazzjon ZDF ikkwota lis-sorsi li l-investigaturi qed jitrattaw l-inċident bħala wieħed ‘li qed jixhed diversi fatturi terroristiċi’. Dan minkejja li l-Ministru Ġermaniż għall-Intern, Horst Seehofer, qal li ma setax jiżvela ‘il-mod kif l-inċident qed ikun klassifikat’.

Sadattant, il-pulizija, fl-aħħar sigħat, fittxew f’appartament fl-inħawi ta’ Langen (fin-Nofsinhar ta’ Frankfurt) u qalu li l-azzjoni ‘kienet marbuta ma’ dak li kien seħħ f’Limburg.

Is-sid tat-trakk li nsteraq mis-suspettat terrorista żvela lill-midja Ġermaniża li kien avviċinat minn raġel li, f’daqqa waħda, kaxkru ’l barra mit-trakk u saq ’il hinn mingħajr ma lissen kelma.

Is-Sindku tal-belt ta’ Limburg, li tinsab fil-Punent tal-Ġermanja, ukoll tkellem dwar l-inċident u qal li ħsibijietu jinsabu mal-midruba u l-familji tagħhom.

Il-Ġermanja ilha fuq stat ta’ allert għoli wara numru ta’ attakki mill-ġiħadisti Iżlamiċi fl-aħħar snin.

L-aktar attakk qattiel kien seħħ f’Diċembru tal-2016 meta raġel saq trakk għal ġol-folol f’Suq tal-Milied f’Berlin, bir-riżultat li kienu mietu tnax-il persuna.