Internazzjonali

Il-protesti fl-Ekwador: Is-sede tal-Gvern trasferita minn Quito għal Guayaquil

Il-President tal-Ekwador, Lenin Moreno, ittrasferixxa temporanjament l-operat tal-Gvern mill-belt kapitali ta’ Quito, fost il-protesti popolari kontra t-tneħħija tas-sussidji għall-fuel. Il-belt tal-port ta’ Guayaquil, għalissa, se sservi bħala s-sede tal-Gvern u l-President Moreno, waqt diskors, qal li mhux se jirtira d-direttiva biex il-prezz tal-fuel jogħla filwaqt li akkuża lill-avversarji tiegħu b’li qed jippruvaw iwettqu kolp ta’ stat.

L-Ekwador, bħalissa, għaddej minn jiem ta’ inkwiet, waqt li l-gruppi indiġeni qegħdin jimblukkaw it-toroq fost azzjonijiet oħra. Mijiet ta’ nies spiċċaw arrestati f’dan l-inkwiet li hu l-agħar għal ħafna snin f’dan il-pajjiż Latin Amerikan.

Moreno qed jgħid li l-protesti mhumiex, fil-fatt, dimostrazzjoni ta’ għadab mill-pubbliku dwar deċiżjoni tal-Gvern  waqt li sostna li ‘il-vjolenza, is-serq u l-vandaliżmu qed jikxfu azzjoni politika organizzata biex iddgħajjef lill-Gvern u tkisser l-ordni demokratika’.

Hu akkuża li l-eks President tal-Ekwador, Rafael Correa u l-President tal-Veneżwela, Nicolas Maduro, bħala ‘protagonisti wara l-pjan għal Ekwador destabilizzat’.