Knisja Lokali

Inawgurata mill-ġdid il-pittura rrestawrata fl-apside tal-Katidral tal-Imdina

Illejla, kienet inawgurata mill-ġdid il-pittura fl-apside tal-Katidral ta’ San Pawl, fl-Imdina, wara xogħol ta’ restawr u konservazzjoni li sar fuqha. Il-pittura, wara investiment ta’ €70,000, kienet inawgurata mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi.

Il-pittura, li turi n-Nawfraġju ta’ San Pawl, kienet ġiet ikkummissjonata lil Mattia Preti fl-1968 u oriġinarjament saret fuq il-ħajt tal-Knisja l-Antika, li kien hemm qabel it-terremot tal-1693.

Il-pittura hi meqjusa mill-esperti bħala waħda mill-aktar fidili lejn ir-rakkont tan-Nawfraġju fl-Atti tal-Appostli, iżda matul is-snin saritilha ħafna ħsara, tant li kellhom isirulha numru ta’ interventi ta’ restawr.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, l-Isqof Awżiljarju ħeġġeġ lis-soċjetà biex, filwaqt li tikber fl-apprezzament tal-patrimonju ekkleżjastiku, tagħraf il-ħeġġa li biha missirijietna għexu u esprimew l-identità reliġjuża tagħhom.

Ix-xogħol ta’ restawr sar mill-kumpanija ReCoop wara li kien kummissjonat mill-Arċidjoċesi ta’ Malta u b’kofinanzjament minn fondi tal-Unjoni Ewropea.