Futbol Sport

Jitkeċċa Giampaolo minn kowċ ta’ Milan u floku mistenni jinħatar Pioli

Wara li fl-aħħar jiem kibret l-ispekulazzjoni dwar il-futur ta’ Marco Giampaolo bħala kowċ ta’ Milan, rapporti fil-media Taljana kkonfermaw li l-kowċ Taljan tkeċċa wara li ġie nfurmat it-Tnejn filgħaxija. Is-sostitut tiegħu mistenni se jkun Stefano Pioli li għandu jiffirma kuntratt ta’ sentejn b’salarju ta’ €1.5 miljun.

Giampaolo nħatar kowċ ta’ Milan f’dan is-sajf u se jħalli lil Milan wara seba’ logħbiet tal-kampjonat. Huma sa issa kisbu tliet rebħiet kontra Brescia, Verona u Genoa s-Sibt li għadda iżda tilfu erba’ logħbiet kontra Udinese, Inter, Torino u Fiorentina.

Mill-Ħadd filgħaxija l-kandidati għas-suċċessur ta’ Giampaolo kienu tnejn. Il-favorit kien Luciano Spalletti li anki qabel mal-proġett tal-klabb u kien lest li jingħaqad mal-klabb. Iżda Spalletti għadu taħt kuntratt ma’ Inter b’salarju ta’ madwar €5 miljuni fi staġun sal-2021. Iż-żewġ partijiet kienu jinsabu f’taħdidiet biex Spalletti jinħall mill-kuntratt iżda ma ntlaħaqx ftehim fuq id-distanza bejn ir-rikjesta u l-offerta. B’hekk Pioli mistenni jsir il-kowċ ta’ Milan.

Jidher li l-għażla ta’ Zvonimir Boban u Paolo Maldini hi bbażata fuq il-fatt li l-formazzjoni preferuta ta’ Pioli hi 4-3-3, bit-tama li joħroġ l-aħjar ta’ Suso, Hakan Calhanoglu u Krzysztof Piątek li ddiżappuntaw f’dan il-bidu ta’ staġun. Pioli se jkollu l-kompitu diffiċli li jirbaħ l-ewwel fuq il-partitarji Milanisti hekk kif ħafna huma diżappuntati b’din l-għażla.

Jekk l-aħbar issir uffiċjali, Pioli jkun it-tmien kowċ li jkun mexxa lil Inter u Milan fl-istorja. Hu jingħaqad mal-kowċis Jozsef Viola, Giuseppe Bigogno, Gigi Radice, Ilario Castagner, Giovanni Trappattoni, Alberto Zaccheroni u Leonardo.