Futbol Sport

L-Afrika ta’ Isfel ittemm l-impenji f’Pool B b’rebħa kbira kontra l-Kanada

(Ritratt: EPA)

Il-Kanada ma setgħetx tlaħħaq mal-Afrika ta’ Isfel u sofriet telfa ta’ 66-7. L-iskor sal-ewwel taqsima kien 47-0 wara seba’ tries mill-Afrikani permezz ta’ Damian de Allende, S’bu Nkosi, Warrick Gelant, Fran Steyn u tlieta minn Cobus Reinach, b’tal-aħħar jirreġistra l-aktar tripletta malajr fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja.

Erba’ minuti mit-tmiem tal-ewwel perjodu, il-Kanadiżi tilfu lil Josh Larsen li ġie muri l-karta l-ħamra wara li bi spalltu għamel kuntatt ma’ għonq il-prop Thomas Du Toit. Is-Springboks skorjaw tliet darbiet oħra fit-tieni taqsima minn Schalk Brits, Damian Willemse u Frans Malherbe b’Elton Jantjies għamel tmien conversions. Għat-tim Kanadiż Matt Heaton għamel it-try fil-45 minuta, b’Peter Nelson jagħmel il-conversion.

L-Afrika ta’ Isfel temmet l-impenji tagħha f’Pool B u issa għandhom 12-il ġurnata mistrieħ qabel il-kwarti tal-finali f’Tokyo l-Ħadd 20 ta’ Ottubru. L-avversarji tagħhom se jkunu l-Ġappun, l-Irlanda u l-Iskozja.