Lokali Parlament

L-iskema ta’ għajnuna lill-bdiewa li ġarrbu ħsarat bil-maltemp għandha terġa’ toħroġ

-Edwin Vassallo, PN

Fl-Aġġornament tal-parlament, id-d-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo appella lill-gvern biex jerġa’ jniedi l-iskema b’inqas burokrazija biex il-bdiewa jitolbu l-għajnuna u biex il-gvern fil-budget juri l-impenn favur il-ħidma biex il-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda jkunu salvati.

Edwin Vassallo tkellem dwar il-ħsara li saret fuq is-serer u r-raba’ b’maltempata u appella biex l-aħħar ftit nies li għadhom bdiewa u raħħala jkunu salvati. Jekk dawn jintilfu jbatu l-ambjent u l-produzzjoni tal-prodotti agrikoli u tas-sajd li jistgħu jittieklu mill-familji Maltin.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-parlament irid jimportah li jsalva dan is-settur iżda flok offra l-għajnuna lil kull ġarrab il-ħsara, il-gvern se jgħin lil ġarrab ħsara fis-serer fl-ammont ta’ €3 miljun li kellhom jinqasmu bejn l-applikanti kollha. Il-gvern kien se jħallas 45% tal-ħsara li tkun ġrat. L-iskema għalqet u jidher li kienu ftit biss dawk li applikaw; iċ-ċifra ta’ €3 miljuni ma ntlaħqitx għax ħafna bdiewa qatgħu qalbom japplikaw għaliex il-kundizzjonijiet tal-għajnuna kienu diffiċli b’toqol u kundizzjonijiet iebsa u burokratiċi.

Edwin Vassallo appella lill-gvern biex jerġa’ jniedi l-iskema b’inqas burokrazija biex il-bdiewa jitolbu l-għajnuna u biex il-gvern fil-budget juri l-impenn favur il-ħidma biex il-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda jkunu salvati. Il-gvern m’għandux ikun xħiħ ma’ min l-pajjiż għandu bżonnu, sostna Edwin Vassallo