Lokali Saħħa

Lejn Xitwa oħra bil-pazjenti fil-kurituri

Il-politika bbażata fuq iż-żieda fil-popolazzjoni qed tkompli tħalli impatt negattiv fuq bosta setturi…inkluż fil-qasam tas-saħħa.

Il-President tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, Paul Pace kien il-mistieden ta’ Robert Cremona fil-programm Net Live meta kkummenta fuq dak li qal din il-gimgha Clyde Caruana, Kap Eżekuttiv ta’ Jobs Plus.

Paul Pace semma kif dawn iż-żidiet fil-ħaddiema barranin qed ikunu ta’ piż ġdid fuq pajjiżna, u qal li wieħed ma jistax iħares biss lejn in-numri wehidhom.

Il-President tal-MUMN qal li l-isfidi fuq l-isptar huma kbar.

Paul Pace semma’ diversi problemi li jeżistu fil-qasam tas-saħħa, fosthom pażjenti fil-kurituri, li issa saħansitra qed jingħataw ismijiet bħas-swali, pazjenti f’Mount Carmel li qed jorqdu fuq saqqijiet mal-art, ir-riżorsa umana li diġa kienet problema u issa saret aktar akuta, l-infrastruttura li mhux tlaħħaq, u issa anke l-kwistjoni tal-lingwa li hija sfida ġdida hekk kif ħaddiema barranin fl-isptar qed jagħmluha diffiċli għall-anzjani biex jikkomunikaw magħhom sewwa.

Hu qal li minkejja li għadna fil-bidu tax-xahar t’Ottubru, u l-isfidi li ġġib magħha x-Xitwa għadhom xi ftit ‘il bogħod, diġa qed naraw kurituri mimlija bil-pazjenti…xi ħaġa li tnezza mid-dinjità kemm tal-pazjent u l-familljari tiegħu , imma wkoll tal-ħaddiema fl-istess sptar.