Iċ-champions lokali Luxol Futsal ħallew pajjiżna dalgħodu lejn il-kapitali tar-Repubblika Ċeka Praga biex jikkompetu fi Grupp 5 fir-Rawnd Prinċipali tal-UEFA Futsal Champions League. Luxol rebħu l-grupp tagħhom fir-Rawnd Preliminari fi Tromso n-Norveġja f’Awwissu li għadda. Iċ-champions Maltin jinsabu konxji mill-impenji li għandhom iżda telqu lejn Praga f’burdata pożittiva.
It-tim immexxi mill-kowċ Gabriel Dobre u l-assistent Clint Cope għandu l-għan li mhux biss jilħaq iżda jtejjeb ir-riżultati miksuba sentejn ilu f’Deva r-Rumanija. Dakinhar huma kienu evitaw l-aħħar post b’rebħa minn tliet logħbiet.
Luxol jagħmlu d-debutt fi Grupp 5 l-Ħamis kontra ċ-champions Pollakki Bielsko-Biala fil-5.30pm ħin ta’ Malta. Il-Ġimgħa huma jilagħbu kontra AC Sparta Praha fit-8.00pm u l-aħħar konfront jintlagħab il-Ħadd fil-5.30pm kontra t-tim Rumen Csikzereda Sportklub.
Mill-iskwadra fir-Rawnd Preliminari, naqsu Andy Mangion u Nicola Del Re minħabba impenji personali, Dejan Bizjak li rritorna mal-klabb tiegħu, Degran Jackson jinsab mal-iskwadra ta’ St. Andrews fl-Ewwel Diviżjoni filwaqt li Dobre se jiffoka fuq l-irwol ta’ kowċ.
L-iskwadra ta’ Luxol hi magħmula minn Kenneth Rakvaag, Clint Mifsud, Stefan Vella, Dragan Obradovic, Mark Zammit, Gian Carlo Sammut, Matthew Attard, Carl Azzopardi, Aidan Micallef, Celino Alves, Leanderson Sant’Anna Coriolano, Maicon Da Silva, Everton Vevè, Alcides Pereira, Marwan Telissi, Emil Andrei Raducu, Zvezdan Vukovic.
//= $special ?>