Lokali Parlament

Il-Ministru Bonnici kburi li l-Prim Ministru hu salesman tal-passaporti…jaħrab milli jwieġeb dwar l-iskandli marbuta

Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici ddikjara fil-parlament li hu kburi li l-Prim Ministru Joseph Muscat hu salesman tal-iskema tal-bejgħ tal-passaporti u ħarab milli jwieġeb dwar l-iskandli li huma marbuta ma’ din l-iskema. Hu qal ukoll li mhux minnu li jingħad li Malta tbiegħ il-passaporti għaliex f’din l-iskema hemm l-investiment.

Din id-dikjarazzjoni l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici għamilha fil-parlament meta kien qed iwieġeb mistoqsijijiet parlamentari tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u tad-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami li staqsa dwar ir-riklam li sar minn Kastilja minn kumpanija li tbiegħ il-passaporti. Hu staqsa jekk hemmx policy dwar dan u jekk hemmx linji gwida.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li mill-mod kif kien qed jitkellem fil-parlament jidher ċar li l-Ministru tal-Ġustizzja m’għandu xejn ġdid fuq l-inkjesti li qed isiru u fuq dawk li ma sarux dwar il-bejgħ tal-passaporti. Hu qal li mhux iwieġeb jekk il-Ministeru tal-Ġustizzja għamilx dak li kellu jagħmel quddiem skema maħmuġa li ġabet inkwiet għar-reputazzjoni tal-pajjiż. Adrian Delia staqsa jekk hu din l-iskema hux se tkun sospiża jew imwaqqfa.

Il-Ministru tal-Ġustizzja Bonnici wieġeb li mhux din l-iskema qed tagħmel ħsara lil Malta iżda l-ewroparlamentari tal-PN.

Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici qal li l-pajjiż ma jbiegħx il-passaporti għax m’hawx skemi li wieħed jista’ jixtri passaport indipendenent mill-persuni jew bla due diligence għall-investiment li qed ikun isir. Il-frażi korretta hi ċittadianza b’investiment min-nies li jinvestu fil-pajjiż fejn hemm due diligence test qawwi ħafna. Hu qal li anki l-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet li t-testijiet huma iebes ħafna. Il-Ministru Bonnici qal li dwar il-każ hemm investigazzjonijiet għaddejjin fuq diversi fronti.

Dwar l-uffiċċju legali tal-pajjiż, il-Ministru Bonnici qal li hemm diversi kumpaniji legali li jistednuh għall-ftuħ tal-uffiċini tagħhom u ma hemm xejn ħażin li jsiru promozzjonijiet għal dawn il-kumpaniji legali biex dawn ikabbru l-operat tagħhom.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li ma jaqbilx li l-Ministru Bonnici qed jgħid investiment u mhux bejgħ tal-passaporti għaliex hemm prezz li hu fiss u mhux investiment, li suppost jagħti ritorn fil-futur. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Prim Ministru stess ammetta li hu salesman u mhux statesman. Hu staqsa dwar it-talba tal-Oppożizzjoni biex din l-iskema tkun sospiża u jekk kienx hemm analiżi dwar is-sitwazzjoni preżenti.

Il-Ministru tal-Ġustizzja qal li hu żball li jingħad li l-iskema hi bejgħ tal-passaporti u sostna li l-Kummissjoni Ewropea sabet li hawn sistemi bħal ta’ Malta bi due diligence fis-seħħ. Hu qal li l-mod kif mill-ewwel ttieħdet azzjoni juri s-serjetà tal-programm u sostna li f’din l-iskema hemm regolatur maqbul bejn iż-żewġ naħat li qed jieħu l-passi meħtieġa kif qed tagħmel il-Kamra tal-Avukati. Is-sistema qed taħdem, sostna l-Ministru tal-Ġustizzja, li kompla li hu kburi li l-Prim Ministru jdur id-dinja u jipprova jġib ix-xogħol lejn il-pajjiż. Il-Ministru Bonnici qal li l-pajjiż ilu ma jara dawn il-ħaddiema kollu u xogħol żmien twil.