Andy Murray se jilgħab fl-Open tal-Awstralja fil-bidu tas-sena d-dieħla, f’dak li se jkun l-ewwel Grand Slam tiegħu minn meta għamel l-operazzjoni f’ġenbu. L-eks numru wieħed tad-dinja kien eliminat fl-ewwel rawnd f’Melbourne din is-sena. Dakinhar kien qal li setgħet tkun l-aħħar dehra tiegħu f’dan it-tournament.
Murray li għandu 32 sena, għamel operazzjoni fi tmiem Jannar li għadda f’dik li tidher li salvat il-karriera tiegħu. Hu rritorna b’mod kompetittiv fid-doubles f’Ġunju li għadda u rebaħ it-titlu flimkien ma’ Feliciano Lopez fi Queen’s Club.
L-Iskoċċiż li bħalissa jinsab fil-289 post fir-rankings tad-dinja, lagħab fid-doubles u l-mixed doubles ma’ Serena Williams f’Wimbledon.
Murray irritorna jilgħab b’mod individwali f’Cincinnati f’Awwissu qabel wasal sal-kwarti tal-finali fl-Open taċ-Ċina f’Beijing il-ġimgħa l-oħra fejn kien megħlub minn Dominic Thiem.
Fl-aħħar jiem ikkompeta fil-Masters ta’ Shanghai u kien megħlub fit-tieni rawnd mit-Taljan Fabio Fognini. Qabel il-bidu ta’ dan it-tournament, Murray żvela li kien kuntent b’kif qed jirkupra u ħass li jista’ jikkompeti kontra l-aqwa tennisti għal darba oħra.
//= $special ?>