Sport Waterpolo

Niki Lanzon se jibqa’ jilgħab u jilħaq ftehim ma’ Valletta United

Fil-bidu ta’ Settembru kien tħabbar li Niki Lanzon se jkun qed itemm il-karriera tiegħu fl-età ta’ kważi 39 sena. Iżda d-dilettanti tal-waterpolo lokali se jkunu qed igawdu l-kwalitajiet ta’ Lanzon is-sena d-dieħla wkoll hekk kif tħabbar li Lanzon ingħaqad ma’ Valletta United.

Niki Lanzon hu meqjus leġġenda tal-waterpolo lokali. Hu lagħab għal 24 sena ma’ Neptunes u stabbilixxa ruħu bħala punt ta’ riferiment fit-tim u wieħed mill-aqwa plejers taż-żmien tiegħu. Fl-aħħar snin serva ta’ ispirazzjoni għal diversi żgħażagħ speċjalment dawk ta’ Neptunes u żgur li se jħalli impatt fit-tim Belti.

Lanzon Ifforma parti mill-aqwa żmien fl-istorja ta’ Neptunes b’rebħ ta’ għaxar kampjonati li ħamsa minnhom kienu konsekuttivi bejn l-2010 u l-2014, sitt darbiet in-knock-out, disa’ darbiet it-Tazza tal-President, tmien darbiet il-Kampjonat tax-Xitwa.

B’mod personali hu rebaħ darbtejn il-Plejer tas-Sena tal-ASA fl-2001 u fl-2004 u kien il-captain tat-tim Malti li kkwalifika għall-Kampjonat Ewropew li sar f’Belgrad fl-2016 fejn wara dan it-tournament kien iddeċieda li jirtira mit-tim nazzjonali wara karriera twila.