Lokali Parlament

Tessie Bartolo kienet omm lesta dejjem biex tgħin

Tessie Bartolo, omm id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, kienet deskritta fil-parlament bħala mara sempliċi, li taf tħobb u li dejjem lesta tgħin lil ħaddieħor.

Il-parlament sellem lil Tessie Bartolo u lid-deputat Laburista Carmelo Buttigieg li t-tnejn mietu f’Awwissu li għadda.

Fit-tislima lil Tessie Bartolo l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li kien iltaqa’ ma’ Tessie Bartolo u jaf minn kienet anki permezz ta’ binha Ivan. L-ikbar testment li tista tħalli omm hi propju uliedha. Hu qal li Tessie Bartolo tant kienet fdata li f’idejha hi kellha ċ-ċwievet tad-dar tal-ġirien kolha tat-triq f’każ li jinqala’ xi ħaġa. Dan ifakkar fit-tradizzjoni Maltija fejn il-ġirien huma ta’ appoġġ għal xulxin. Tessie Bartolo ftit kienet titkellem iżda tisma’ kollox u kellha l-perseveranza tal-imħabba li kienet twettaqha kuljum. Hi ma kienet tgerger qatt lanqas meta kienet mifnija bil-marda għaliex ħsiebha kien biex isservi lill-familja.

Id-deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li Tessie Bartolo kienet kellmitu darba biss ftit ġranet qabel binha Ivan kien iddeċieda li jagħti kilwa lil persuna oħra. Jien nammira lil Ivan Bartolo li kien tant ġeneruż li ta kilwa lil persuna oħra. Omm Ivan Bartolo kienet ċemplitlu għax kienet inkwetata u qaltlu li la jrid jgħmilha hi ma kinitx se twaqqaf lil Ivan.

Chris Fearne kien qallha li kellha biex tfraħ b’dak li għamel Ivan Bartolo meta tat kilwa. Tessie kienet mara tal-familja u t-telfa tagħha tinħass, sostna Chris Fearne.

Id-deputat Nazzjonalista u iben Tessie Bartolo, Ivan Bartolo, irringrazzja lill-Gvern u lill-Oppożizzjoni u qal li qed jimmissja lil ommu għaliex meta kien jagħmel xi diskors kienet iċċempillu biex tawguralu. Ommi kienet mara sempliċi, qasira imma kbira, sostna Ivan Bartolo, li qal li ommu kienet mara fqira li kienet tqassam dak kollu li kellha. Hu sellem lil dawk kollha li għinuha fl-isptar tal-onkoloġija u lil dawk li kienu miegħu fl-agunija ta’ ommu. Dawn se jibqgħu f’qalbi għal dejjem, qal Ivan Bartolo, li kellem lil ommu li se tibqa’ miżmuma bl-akbar għożża fil-qlub.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li hu kien jafha għax mill-Mosta u sostna li Tessie Bratolo qatt ma qalet kelma kontra xi ħadd anzi dejjem tkellmet favur in-nies. Hu qal li Tessie Bartolo kienet appoġġjat lit-tifel tagħha meta bidel il-partit politiku li hu kien jaħdem fih. Il-Mosta kollha ħabbitha għax kienet mara tal-familja, sostna l-Ispeaker Anġlu Farrugia.

Fit-tislima lid-deputat Laburista Carmelo Buttigieg tkellmu d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u d-deputat Nazzjopnalista Kevin Cutajar li enfażizzaw il-kwalitajiet ta’ Carmelo Buttigieg fil-kontribut parlamentari tiegħu.