Internazzjonali

UE: Ftehim dwar Brexit meqjus bħala ‘essenzjalment impossibbli’

Sorsi qrib lil-Prim Ministru Britanniku qalu li ftehim għal Brexit hu ‘essenzjalment impossibbli’ wara telefonata bejn Boris Johnson u l-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel. Johnson tkellem ma’ Merkel dwar il-proposti għal Brexit li hu kien ressaq lill-Unjoni Ewropea, waqt li s-sorsi sostnew li l-Kanċillier għamiltha ċara li ‘ftehim ibbażat fuq dawn il-proposti qed jidher ferm improbabbli’.

Ir-rapporti komplew li Merkel insistiet li ftehim għal Brexit bejn Londra u l-UE ‘qatt mhu se jkun possibbli’ dment li l-Irlanda ta’ Fuq ma tibqax parti minn unjoni doganali.

Intant, il-kelliema għall-Kanċillier tal-Ġermanja qalu li huma ma żvelawx x’ħareġ mid-diskursati kunfidenzjali.

Fl-istess ħin, uffiċjal tal-UE qrib in-negozjati għal Brexit qal li l-kummenti rappurtati ta’ Merkel ma jirriflettux il-pożizzjoni miftehma tal-UE u li ‘din mhix il-lingwa tal-Unjoni’.

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, intant, bagħat messaġġ lil Boris Johnson li ‘it-trattativi ma jinvolvux sempliċi logħba meta fin-nofs hemm il-futur tal-Ewropa u r-Renju Unit flimkien mas-sigurtà u l-interessi tal-popli tagħhom’.

Il-Prim Ministru Johnson għadu jinsisti li r-Renju Unit se joħroġ mill-UE sad-deadline tal-31 ta’ Ottubru, irrispettivament minn jekk jintlaħaqx ftehim ma’ Brussell jew le,

Johnson, il-ġimgħa l-oħra, bagħat proposti ġodda lil Brussell għal ftehim dwar Brexit, bl-aktar fattur jaħraq jibqa’ l-impenn ta’ Londra biex jinbidel il-politika għall-backstop ( innegozjat mill-eks Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May u l-UE) bil-għan li jevita fruntiera riġida bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika tal-Irlanda wara Brexit.

Filwaqt li l-President Franċiż, Emmanuel Macron qal li l-UE, fl-aħħar tal-ġimgħa, trid tiddeċiedi jekk ftehim ġdid hux possibbli,  is-sorsi f’Londra sostnew  li t-taħdita bejn Johnson u Merkel ipprovdiet ‘mument ta’ kjarezza’ u li n-negozjati ma’ Brussel jinsabu qrib ta’ kroll ‘minkejja li r-Renju Unit kien stinka lejn tragward komuni’.