Lokali Parlament

Adrian Delia jinsisti għal stqarrija dwar il-“golden handshake” fl-MFSA; il-gvern jibqa’ jaħrab

Akkużi serjissimi mill-eks Deputy Leader Laburista

Il-Gvern reġà ħarab milli jagġħmel stqarrija ministrjali dwar l-iskandlu ta’ €150,000 li tħallsu fil-golden handshake lil uffiċjal tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA). Dawn wara li l-uffiċjal irtira mix-xogħol iżda kien impjegat ma’ entita oħra tal-istess MFSA.

Il-pożizzjoni tal-gvern kienet espressa mill-Whip tal-Gvern Byron Camilleri wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia staqsa jekk il-gvern hux f’pożizzjoni li jagħmel stqarrija ministerjali dwar dan il-każ.

Adrian Delia staqsa lill-Ministru tal-Finanzi jew lill-Prim Ministru jew hux se ssir stqarrija ministerjali dwar il-fatt li fis-16 ta’ Settembru daħlet ittra uffiċjali fil-qorti mibgħuta lis-CEO tal-MFSA mill-ex ministru Laburista Joe Brincat li hu wkoll membru tal-bord tal-MFSA. F’din l-ittra uffiċjali Joe Brincat oġġezzjona għal din il-golden handshake.

Il-Whip tal-Gvern Byron Camilleri qal li l-Prim Ministru jinsab imsiefer fuq xogħol tal-gvern u sostna li hu għandu fiduċja sħiħa fl-awtoritajiet tal-pajjiż u m’hemmx stqarrijiet ministerjali x’isiru.

Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius staqsa dwar is-sitwazzjoni tad-deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi li jinsab rikoverat fil-Marokk għal intervent mediku. L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li qed isiru l-arranġamenti meħtieġa biex id-deputat Nazzjonalista jinġieb Malta b’ambulanza tal-ajru u jkompli t-trattament mediku f’Malta.