Kultura Lokali

Appell għal restawr tal-istazzjon tal-ferrovija fil-Floriana

Il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fil-Floriana qed jappellaw lil entitajiet konċernati biex jagħtu l-attenzjoni meħtieġa u jirrestawraw l-istazzjon tal-ferrovija ta’ taħt l-art fil-Floriana.

Tkellimna mal-Minority Leader tal-Floriana James Aaron Ellul fejn qalilna li dan l-istazzjon huwa uniku fih innifsu, hekk kif huwa l-uniku wieħed li jinsab taħt l-art f’pajjiżna.

Ellul tenna li dan il-wirt storiku għandu jingħata r-restawr mistħoqq biex ikun jista’ jitgawda mill-pubbliku, kemm turistiku iżda l-poplu Malti.

Huwa qal li l-Kunsilliera tal-PN fil-lokal, hu flimkien ma’ Justine Palmier, qed jagħmlu dan l-appell mhux biss issa qabel l-attività Ġenna ta’ Ġonna li se ssir il-Ħadd li ġej, iżda dan l-istess appell kien diġà sar fl-aħħar leġiżlatura mill-Kunsilliera PN fil-Floriana.

Dan l-appel kien anki sar mill-Kunsill Lokali, u sar ukoll minn The Malta Railway Foundation.

L-istazzjon kien infetaħ l-ewwel darba wara 80 sena fl-2011, u kważi baqa’ jinfetaħ kull darba fl-attività Ġenna ta’ Ġonna li tittella’ fil-lokal tal-Floriana. Infatti dan l-istazzjon jattira folol kbar lejh tul il-jum kollu li fih issir l-attività.