Il-Gvern Laburista nefaq mal-€40,000 biex jagħmel ċerimonja pompuża biex ittieħdu r-ritratti għall-ftuħ ta’ biċċa mill-flyover tal-Marsa.
Dan ħareġ minn mistoqsija Parlamentari li għamel id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilna, fejn saqsa kemm ġiet tiswa din iċ-ċerimonja, bil-Ministru tat-Toroq Ian Borg isemmi ċ-ċifra ta’ €40,000.
Dakinhar kienet intramat tinda kbira u pjattaforma apposta li fuqha intlaqgħu l-mistiedna. Kien hemm ukoll monitors kbar, numru ta’ cameras u anke fotografi sabiex iċ-ċerimonja tixxandar dirett fuq l-internet – dan kollu għal anqas minn siegħa.
Iċ-ċerimonja kienet saret fl-20 ta’ Settembru li għadda, u fiha ħadu sehem anki numru ta’ vetturi antiki. Saru wkoll diskorsi mill-Prim Ministru Joseph Muscat u anki Ian Borg.
Intant għall-mistoqsija separata, l-Ministru Owen Bonnici qal li l-attività ma swiet xejn għall-PBS għaliex kienet qed tiġi trasmessa fuq YouTube minn Infrastructure Malta. Li ma qalx il-Ministru Bonnici hu li anki biex issir sempliċi xandira onlajn, dan xorta jinvolvi spiża fiha nnifisha.
//= $special ?>